Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Statistika tal-NSO turi li dak li qal Muscat dwar it-tnaqqis tal-iżbilanċ mhuwiex minnu: f’Jannar – Marzu 2014 żdied b’35%

L-Erbgħa li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-ġurnata bħala waħda “brillanti” għax ċifri uffiċjali li ħarġu urew li l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern fl-2013 naqas għal taħt it-3%. Meta mistoqsi kif naqas l-iżbilanċ iżda d-dejn fl-2013 żdied bi kważi €400 miljun, Muscat wieġeb li l-parti l-kbira taż-żieda f’dan id-dejn saret fl-ewwel tliet xhur tal-2013, meta kien għad hemm Gvern Nazzjonalista.

Iżda statistika uffiċjali li ħarġet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fl-aħħar sigħat dwar l-ewwel tliet xhur tal-2014, li se tkun l-ewwel sena sħiħa tal-Gvern Laburista ta’ Muscat, turi li l-iżbilanċ fil-finanzi pubbliċi żdied bi kważi €60 miljun għal total ta’ €226 miljun. Dan meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tal-2013, jiġifieri meta kien għad hemm Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista. Iżda għal Muscat, din l-istatistika uffiċjali mill-NSO ma tfisser xejn. Kull darba li saritlu mistoqsija, waqt attività politika tal-lum, biex jinterpreta dawn l-aħħar ċifri, għażel li jdawwar id-diskors fuq affarijiet oħra (filmat).

Iċ-ċifri tal-NSO juru li bejn Jannar u Marzu 2014, id-dħul tal-Gvern żdied b’€41 miljun, iżda n-nefqa żdiedet b’€99 miljun. B’hekk, id-differenza bejn id-dħul u l-ħrug tal-Gvern, jiġifieri l-iżbilanċ, kibret bi €58 miljun, jiġifieri 35%. Mill-istess statistika joħroġ ukoll li fi tmiem Marzu 2014, id-dejn nazzjonali kien fil-livell ta’ €5,236 miljun, li meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tal-2013 ifisser żieda ta’ aktar minn €291 miljun.

Meta Muscat tkellem dwar it-tnaqqis fl-iżbilanċ, ftaħar li rnexxielu jnaqqsu minkejja li ma żiedx it-taxxi. Fost l-oħrajn, qal li naqqsu minkejja li raħħas il-kontijiet tal-enerġija u ta lura l-flus tal-karozzi. Mhux magħruf kif Muscat ħa żball bħal dan għax filwaqt li ċ-ċifri tal-iżbilanċ jirreferu għall-2013, is-sena li għaddiet il-kontijiet tad-dawl kienu għadhom ma traħħsux u r-refunds fuq il-karozzi kienu għadhom ma ngħatawx. Dawn huma żewġ miżuri li qed jittieħdu din is-sena.

Stqarrija mill-PN:
L-NSO tifqa’ l-bużżieqa f’wiċċ Muscat dwar id-defiċit

L-istatistika ppubblikata llum mill-NSO turi li l-Prim Ministru Muscat ippospona d-defiċit fl-2013 u splodieh fl-2014. Fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma tal-Parlament u Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Mario de Marco u l-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech, il-Partit Nazzjonalista qal li fi żmien 24 siegħa nfaqgħet il-bużżieqa ta’ Muscat dwar il-finanzi ta’ pajjiżna fuq żewġ aspetti importanti:

1. Il-fatt li d-defiċit fl-ewwel tliet xhur tal-2014 diġà sploda meta mqabbel mal-istess tliet xhur fl-2013 ixejjen għalkollox il-ftaħir li Muscat qed irażżan id-defiċit. Fl-2013, Muscat ma rażżanx id-defiċit iżda sempliċement ippospona deċiżjonijiet importanti.

2. Il-fatt li d-defiċit fl-ewwel tliet xhur tal-2014 hu €60 miljun aktar mill-ewwel tliet xhur tal-2013, jiġifieri waqt kampanja elettorali, ixejjen għalkollox l-attentat tal-Prim Ministru Muscat li jwaħħal fil-PN għar-riżultati finanzjarji tiegħu.

Il-PN sostna li l-figuri li ġew ippubblikati llum ikomplu jixħtu d-dubju dwar kif il-Gvern wasal għal ċifra ta’ defiċit ta’ 2.8% fl-2013 u diskrepanza daqstant sostanzjali fiż-żieda fid-dejn ta’ kważi €400 miljun jew 5.2%. Il-Gvern qed jibqa’ jaħrab mid-diskrepanza.

L-istatistika ppubblikata llum turi wkoll li fi tliet xhur biss, il-Gvern nefaq €22 miljun aktar fuq il-pagi u l-operat tal-Gvern, inkluż l-akbar Kabinett fl-istorja tal-pajjiż u l-1,400 persuna li ngħataw job mal-Gvern. Dawn huma €22 miljun aktar minfuqa fuq tal-qalba, filwaqt li ż-żgħażagħ bla xogħol qed jiġu offruti l-privat u 8,000 persuna jinsabu mingħajr xogħol, ittemm tgħid l-istqarrija.