Ambjent Lokali

Tama biex ir-referendum kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa jissejjaħ f’waqtu

Il-Koalizzjoni għat-Tneħħija tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa qed tittama li r-Referendum jissejjaħ f’waqtu sabiex dan ikun l-aħħar staġun ta’ kaċċa fir-Rebbiegħa għall-poplu Malti u l-għasafar migratorji.

Dan qalu l-kelliem tal-Koalizzjoni Rodolfo Ragonesi, f’konferenza tal-aħbarijiet biswit il-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta.

Għan-nom tal-Koalizzjoni, Ragonesi rringrazzja lill-poplu Malti talli qed jappoġġja lin-natura kontra l-qtil illegali ta’ għasafar migratorji fir-Rebbiegħa.

Preżenti fil-parti ta’ fuq tal-Victoria Lines qrib tal-Mosta, b’veduta li tagħti għal fuq il-wied lejn Burmarrad, rappreżentanti minn 13-il organizzazzjoni fil-Koalizzjoni ngħaqdu ma’ wieħed mit-timijiet ta’ osservaturi ta’ Birdlife Malta fil-kampanja. Preżenti kien hemm ukoll, fost oħrajn, Carmel Cacopardo, il-Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.

Maltin u voluntieri barranin qattgħu lbieraħ wara nofsinhar mingħajr ħsejjes tal-kaċċa u osservaw diversi għasafar bħal huttaf, rundun, spanjulett u bagħadan.

Skont wieħed mill-voluntieri, fin-nofs ta’ nhar tal-bieraħ kien hemm diversi kaċċaturi u nstemgħu ħafna tiri.

Intant il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) ressqet Protest Ġudizzjarju kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, biex jipprevjenu dak li kien deskritt mill-FKNK bħala “reati kkontemplati” mill-ambjentalista Ingliż Chris Packham.

Fil-Protest, il-FKNK qalet li biex jiffilmja kaċċaturi jisparaw fuq l-għasafar, Packham jista’ jidħol bi vjolazzjoni fuq proprjeta’ privata ta’ kaċċaturi membri tagħha mingħajr permess.

Il-fatt li Packham se jpoġġi dawn il-filmati fuq Youtube, tkompli l-FKNK, jikkostitwixxi proċessar ta’ data personali li tappartjeni għall-kaċċaturi. Dan kollu, issostni l-FKNK, jista’ jkun ksur tad-drittijiet tal-membri tagħha.

Barra minn hekk, f’ittra miftuħa lill-Membri Parlamentari, l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu attakkaw il-liġi tar-Referendum għax jekk ikunu indottrinati, għaxra fil-mija tal-votanti jistgħu jwaqqgħu kull liġi mgħoddija minn gvern elett mill-maġġoranza tal-poplu.