Lokali

Tmiem din il-gimgħa mimli attivitajiet għall-familja kollha

Tmiem din il-gimgħa se jkun wieħed mimli attivitajiet għall-familja kollha, f’diversi lokalijiet.

Bl-attivita’ prinċipali se jkun il-bidu tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li dis-sena hu speċjali għax se jfakkar l-10 snin ta’ Malta fl-UE. Il-Gimgħa l-attivitajiet jifthu f’Marsaxlokk, imbaghad il-festival ikompli l-Ħadd, f’Buġibba – minflok is-Sibt, minhabba l-previzjoni ta’ maltemp, u l-ispettaklu ta’ logħob tan-nar jilħaq il-qofol tiegħu nhar l-Erbgha 30 t’April fil-Port il-Kbir, fl-istess post u gurnata tac-celebrazzjonijiet ta’ ghaxar snin ilu.

Imma minbarra dan il-festival nazzjonali, is-Sibt u l-Ħadd hemm xalata ohra t’attivitajiet organizzati minn diversi kunsilli lokali. U anke kumitati amministrattivi, bħalma hi dik li qed jorganizza l-hamlet ta’ Bubaqra mmexxi minn maggoranza Nazzjonalista. Is-Sibt filgħaxija dan il-Kumitat Amministrattiv, flimkien mal-Kummissjoni Kultura fi ħdan l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria Żurrieq, il-Gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se jkun qed jorganizza lejla ta’ folklor rurali.

L-attività, li se ssir mis-7pm ‘l quddiem fil-Pjazza Santa Marija, f’Bubaqra limiti taż-Żurrieq, se tkun karaterizzata minn muzika, żfin, teatrin, artigjanat, snajja’ u ikel tradizzjonali Malti.

Minn Bubaqra għall-Gudja. Storja, Kultura, Tradizzjonijiet, Arti, Muzika, Makkjetti, Għana u Esebizzjonijiet. Dawn huma l-ingredjenti li se jkunu qed jikkaratterizzaw l-attivita’ Festa Rebbiegħa li se ssir f’dan il-post is-Sibt mill-5 pm ‘il quddiem. Il-Kunsill, bl-għajnuna ta’ diversi għaqdiet, se jtella’ programm interessanti fejn se jkunu esposti diversi tradizzjonijiet u drawwiet Maltin, rapprezentazzjonijiet ta’ muzika Maltija, ghana folkloristika, wirjiet fl-artigjanat u taghrif dwar l-istorja tal-Gudja u ta’ Malta b’mod ġenerali.

U l-Ħadd ukoll, il-Kunsill Lokali ta’ Had-Dingli se jorganizza l-attivita’ “Hidma Agrarja u Tradizzjonijiet” fuq l-irdumijiet quddiem il-Kappella ta’ Santa Marija Maddalena mit-8 a.m. sa tard wara nofsinhar. Matul din l-attivita’ se jkun hemm, fost oħrajn, kompetizzjonijiet u ħlib tan-nagħag u l-mogħoż, kompetizzjoni tal-klieb, wiri ta’ xogħolijiet tradizzjonali Maltin u artigjanat kif ukoll programm divertenti għat-tgawdija ta’ kulħadd.

Sadanittant, il-Kunsill Lokali tal-Imdina nieda edizzjoni oħra tal-Festival Medjevali fit-toroq tal-belt is-siekta li dis-sena se jsir bejn it-3 u l-4 ta’ Mejju. Dan il-festival, kulma jmur qed iżid fil-popolarita’, mhux biss fost il-Maltin, iżda wkoll fost it-turisti. Fl-avveniment ta’ din is-sena, se jieħdu sehem aktar minn 300 persuna, fosthom re-enactors, artisti barranin, lecturers, mużiċisti, artigjani u persuni oħrajn li se jkunu qed jesebixxu t-talenti tagħhom b’tema medjevali.

Fl-aħħar sigħat tnediet ukoll l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Earth Garden, li se ssir fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju.