Ekonomija

13.8 miljun ewro fi profitt qabel it-taxxa għall-APS Bank

Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Grupp APS Bank tħabbar li matul l-2013 l-APS Bank irreġistra profitt qabel it-taxxa ta’ 13.8 miljun ewro.

Matul is-sena, intemmet il-kapitalizzazzjoni tal-Bank b’azzjonisti jinjettaw 12 miljun ewro f’fondi ġodda fil-Bank. Il-kapital azzjonarju tal-Grupp issa hu ta’ 57.6 miljun ewro, filwaqt li l-fond tal-azzjonisti hu ta’ 98.6 miljun ewro.

Matul l-2013, l-APS Bank kompla jespandi bil-ftuħ ta’ żewġ fergħat ġodda, fiż-Żejtun u f’Ħ’Attard, biex b’hekk il-Bank kompla jintegra aktar mal-komunitajiet lokali.

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, Emanuel P Delia, iċ-Chairman tal-Bank, qal li għalkemm is-sena kienet waħda kkaratterizzata minn sfidi kbar, l-APS Bank irnexxielu jilħaq l-oġġettivi u l-miri tiegħu.

Il-Bank kompla jimplimenta l-mudell ekonomiku u finanzjarju, li għenuh jespandi b’mod kontinwu fil-milja tal-miri soċjali u finanzjarji tiegħu.