Ekonomija

Ċaqlieq mhux komuni fis-swieq finanzjarji internazzjonali

It-tensjoni fl-Ukrajna u l-fatt li diversi kumpaniji kbar Ewropej irrapportaw tnaqqis fil-profitti tagħhom qed iwasslu biex ir-ritmu ta’ żidiet fis-swieq finanzjarji internazzjonali li rajna fis-sena li għaddiet ma jseħħx f’din is-sena.

Id-DAX, li hu s-suq tal-indiċi ta’ kumpaniji Ġermaniżi, qed isofri tnaqqis kull darba li toħroġ xi aħbar negattiva dwar dak li qed jiġri fl-Ukrajna. Bosta kumpaniji Ġermaniżi jwettqu negozju mar-Russja u għalhekk il-biża’ ta’ aktar sanzjonijiet u nuqqas ta’ ftehim jista’ jwassal biex dan in-negozju jmur lura għad-detriment ta’ kumpaniji Ewropej. L-istess qed jiġri fis-suq Awstrijak.

Kumpaniji kbar Ewropej bħal Nestle, Sandvik u Deutsche Bank, naqqsu l-profitti tagħhom u dan wassal biex is-swieq Ewropej iddgħajfu. Madankollu, kumpaniji Amerikani, bħal Electrolux li jagħmlu prodotti tad-dar, raw żidiet fil-profitti li ssarrfu f’żidiet fl-ishma ta’ din il-kumpanija. Kumpanija oħra kbira Amerikana, l-Apple, rat profitti aħjar milli mbassar. L-ammont ta’ iPhones li qed jinbigħu hu akbar minn dak previst u l-ishma ta’ Apple komplew iżidu fil-valur. Matul din il-ġimgħa, is-suq Ċiniż ra l-akbar tnaqqis għal dawn l-aħħar tliet xhur, hekk kif l-akbar kumpanija tax-xorb rat tnaqqis fil-profitti tagħha.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Bank Ċentrali Ewropew se jibda stress tests fuq il-banek kummerċjali l-kbar li jinsabu fl-Ewropa. L-għan hu li jkun ivverifikat jekk il-banek għandhomx kapital biżżejjed u hemmx il-prattiċi tajbin fis-seħħ biex tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra. Fil-Greċja għaddej proċess kemmxejn komplikat, fejn il-banek li kienu se jfallu u ġew salvati permezz ta’ fondi ta’ għajnuna, issa jinbigħu lill-privat. L-interess biex dawn jinxtraw jidher li hu wieħed qawwi ferm.

Il-prezzijiet tal-bonds baqa’ tiela’, hekk kif l-investituri komplew ifittxu li jinvestu f’bonds aktar milli f’ishma, primarjament minħabba x-xejriet mhux tas-soltu li qed naraw f’diversi indiċi internazzjonali.

Din ir-rokna hi miġjuba lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net – tel: 21493250.