Futbol Sport

Il-finali tal-Euro 2020 f’Wembley jew Munich

Se jkunu jew Wembley Stadium inkella l-Allianz Arena ta’ Munich li se jkunu qed jilqgħu fihom, iż-żewġ semifinali u l-finali tal-Euro 2020.

Il-UEFA qalet li se tkun qed tagħżel bejn iż-żewġ stadia fid-19 ta’ Settembru.

Minbarra li hi kandidata għall-finali tat-turnament b’24 tim, l-FA trid ukoll li Londra torganizza tliet partiti mill-fażi tal-gruppi u logħba mill-aħħar 16 jew kwarti tal-finali.

Wales u l-Iskozja qed jikkandidaw ruħhom għall-partiti f’Cardiff u Glasgow rispettivament.
Il-kap tal-FA Skoċċiża Stewart Regan aktar kmieni din il-ġimgħa qal li ‘hu improbabbli’ li r-Renju Unit u r-Repubblika Irlandiża jirbħu erba’ kandidaturi.

L-Iskozja u Wales applikaw biex jorganizzaw il-partiti tal-gruppi u konfront mill-aħħar 16.
Bit-turnament mifrux fi 13-il belt Ewropeja, l-Azerbaijan, il-Belarus, l-Iżrael u l-Maċedonja huma fost il-kandidati li qatt ma organizzaw turnament maġġuri.

Imma huma biss l-Ingilterra u l-Ġermanja li huma kandidati għas-semifinali u l-finali wara li t-Turkija rtiraw il-kandidatura biex jikkonċentraw fuq il-kandidatura tal-Euro 2024 biex jorganizzawhom waħedhom.

Wembley kien organizza l-finali taċ-Champions League fl-2011 u l-2013 u kien ukoll l-istadium li fih il-Ġermanja għelbet lir-Repuibblika Ċeka fil-finali tal-Euro 1996.