Il-Grupp tal-Aktar Pajjiżi Industrijalizzati tad-Dinja (G7) qablu li jintensifikaw is-sanzjonijiet fuq ir-Russja, b’konnessjoni mal-azzjonijiet militari tagħha fl-artijiet tal-Ukrajna. Intant, u għalkemm il-G7 ma ħariġx id-dettalji, uffiċjali Amerikani sostnew li l-miżuri jistgħu jitħabbru proprju għada.
Il-Punent akkuża lir-Russja li qed tmexxi rewwixta tas-separatisti fiz-zoni Ukreni tal-Lvant u wara li għaqqdet il-penisola tal-Krimea mat-territorju tagħha – b’Moska tiċħad dawn l-allegazzjonijiet.
Sadanittant, gruppi ta’ negozjaturi, ilbieraħ, kienu qed jippruvaw jaċċertaw il-ħelsien ta’ osservaturi internazzjonali li nħatfu (fl-Ukrajna) minn separatisti armati li jappoġġjaw lil Moska. Dan meta qawwiet fil-belt Ukrena ta’ Sloviansk baqgħu jżommu tmien osservaturi militari li ġejjin mill-Ewropa, flimkien ma’ membri tal-Armata tal-Ukrajna li kienu nħatfu matul il-lejl tal-Ġimgħa u li qed ikunu akkużati dwar spjunaġġ.
L-osservaturi kienu qed jieħdu parti f’missjoni marbuta mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u meta għalissa l-milizzji li jappoġġjaw lir-Russja għadhom qegħdin jokkupaw numru ta’ bini uffiċjali fl-ibliet Ukreni tal-Lvant, bi sfida diretta lill-Gvern tal-Ukrajna.
Fl-istess ħin, ir-Russja għadha qed iżżomm l-eluf tat-truppi stazzjonati qrib il-fruntiera mal-Ukrajna, bl-Istati Uniti takkuża lil Moska li qed tabbuża l-ispazju tal-ajru tal-ġar, wara li l-ajruplani tar-Russi daħlu diversi drabi fiz-zoni speċifiċi kontrollati mill-Ukreni.
//= $special ?>

