B’inizjattiva tal-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien, id f’id mal-Kunsill Lokali u l-Kumitat tal-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata, se jiġi ppreżentat Oratorju bl-isem “Marija fil-Qalb Maltija”, kliem ta’ Alfred Massa u mużika ta’ Hermann Farrugia Frantz.
Fl-isfond tal-Oratorju hemm sejħa tal-Papa Franġisku biex “nitgħallmu minn Marija u nimitaw id-disponibilità mingħajr kundizzjoni tagħha li tirċievi lil Kristu f’ħajjitha.” L-Oratorju jiffoka fuq l-eżempju qawwi tal-koperazzjoni sħiħa ta’ Marija mar-rieda divina u s-sehem fundamentali li l-‘iva’ tagħha kellha fl-Istorja tas-Salvazzjoni tal-Bniedem. F’dan l-impenn l-awtur iżur episodji diversi fil-ġrajja tal-umanità minn dak li seħħ fil-Ġnien tal-Eden sat-Tħabbira f’Nazaret.
L-Oratorju huwa maħsub ukoll bħala tribut Malti lil Marija. Jinkludi rakkont li fil-qalba tiegħu juri kif l-għożża li kellhom l-abitanti Neolitiċi f’Ħal Tarxien lejn il-Mara l-Ħoxna bħala simbolu tal-fertilità, mal-miġja tal-Kristjaneżmu bis-saħħa ta’ San Pawl inbidlet f’imħabba profonda lejn Marija bħala Omm Alla u Omm l-Insara Maltin. Juri wkoll kif din l-għożża ta’ Marija fil-qalb Maltija ntirtet minn ġenerazzjoni għal oħra ta’ ġensna u għadha twarrad.
Ir-rakkont tal-Oratorju jimraħ ukoll fl-istorja ta’ kif Marija daħlet u baqgħet fil-ħajja tal-poplu Tarxiniz u dak Malti, bħala dawl li juri t-triq li twassal għand il-Mulej u eżempju dejjem ħaj ta’ kif min jemmen għandu jilqa’ u jħaddan lil Kristu f’ħajtu.
Dan ix-xogħol mużikali se jiġi ppreżentat mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien mas-sopran Miriam Cauchi, il-mezzo sopran Marvic Monreal, it-tenur Cliff Zammit Stevens, il-baritonu Alfred Camilleri, in-narratriċi Melina Cornish u l-Coro Bel Canto taħt id-direzzjoni tal-kompożitur innifsu.
L-Oratorju se jiġi ppreżentat l-ewwel darba fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, nhar l-Erbgħa, 30 ta’ April, 2014, fis-7.30pm. Jumejn wara, il-Ġimgħa, 2 ta’ Mejju, l-Oratorju jiġi ppreżentat ukoll fil-Katidral tal-Imdina, fl-istess ħin.
L-okkazjoni fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien se tkun miftuħa għal kulħadd, mingħajr il-bżonn li jiġu riservati postijiet. Għal dik fil-Katidral, il-postijiet jistgħu jiġu rriservati b’telefonata fuq in-numru 99453555, inkella permezz ta’ imejl f’dan l-indirizz: oratorju14@yahoo.com.
//= $special ?>