Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

FILMAT: Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jaħdem mill-qalb għall-Malta Aħjar – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem biex jilħaq il-qalb tan-nies u mhux jaħdem għal tal-qalba. Irid jerġa jirbaħ il-fiduċja tan-nies, jifhem lin-nies u jkun viċin in-nies.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-għeluq il-Kunsill Ġenerali li matulu ġie approvat il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Simon Busuttil appella għall-kuraġġ u sostna li l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew hija waħda diffiċli għall-Partit Nazzjonalista. Hu qal li wara r-rebħa kbira li għamel il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, huwa ingann minn naħa tal-Prim Ministru li jibqa’ jsostni li hu l-underdog. Sostna li wara sena ta’ Gvern Laburista, il-poplu issa jista’ jara xi tfisser it-tmexxija ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru. Tmexxija li tiddiskrima fost il-pazjenti u tagħti l-mediċini lil tal-qalba, li ma żammietx il-wegħda tal-meritokrazija u li minflok ħolqot ix-xogħol, ħolqot il-qgħad, tenna Simon Busuttil.

Il-Prim Ministru kiser ukoll il-wegħda li l-Enemalta ma tiġix privatizzata, sostna Simon Busuttil, iżda il-Partit Nazzjonalista se jappoġġja lil dawn il-ħaddiema.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’sena, Gvern Laburista kiser ukoll il-wegħda marbuta mal-ħarsien tal-ambjent. Hu fakkar li l-għaqdiet ambjentali ddeskrivew ir-riforma tal-MEPA bħala eżerċizzju ta’ diżonestà u rrefera għall-mozzjoni li ressqet fil-parlament din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni biex l-art fejn it-tempji ta’ Ħaġrat fl-Imġarr tiġi esproprjata u mhux żviluppata ħalli jiġi mħares il-wirt kulturali li aħna obligati ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Hu fakkar ukoll li qabel id-deċiżjoni tal-MEPA fuq it-tanker bil-ħażna tal-gass f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk, il-Prim Ministru bagħat ittra lill-Bord tal-MEPA biex ikun ċert li jiddeċiedu li jsir it-tanker – kif fil-fatt ġara.

Simon Busuttil reġa sostna li l-Gvern għadu ma spjegax id-differenza bejn l-iżbilanċ u d-dejn. Filwaqt li rrefera għal kif il-billboards tal-Partit Laburista jintużaw b’mod konvenjenti mill-Partit Laburista, mill-Gvern u minn dawk li għenu lill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali.

Simon Busuttil sostna li b’kuntraju għall-politika tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jressaq il-quddiem politika mibnija fuq l-onestà, is-sewwa, u l-umiltà.