Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-PN japprova l-manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

F’lukanda ewlenija fil-Furjana, iltaqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li approva l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-manifest elettorali jista’ jinqara billi tagħfas hawn.

KUNSILL GENERALI-15

Il-Kunsill Ġenerali ġie ndirizzat mill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

L-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono qara l-minuti tal-aħħar Kunsill Ġenerali. Il-President tal-Kunsill Ġenerali, Paula Mifsud Bonnici spjegat li Ray Bugeja ma setax jattendi għall-Kunsill Ġenerali minħabba li hu indispost.

THERESE COMODINI CACHIA-2

Therese Comodini Cachia – Diskriminazzjoni politika li hija oxxenità

Hija oxxenità li ssir diskriminazzjoni politika fejn ikunu biss dawk tal-qalba li jingħataw il-mediċina li għandhom bżonn, u li tagħżel persuna fuq oħra hija oxxenità. Therese Comodini Cachia qalet li kienet qed tistenna li l-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi jinvestiga dan il-każ li ġie żvelat fl-aħħar jiem, u mhux sempliċiment jgħid li taħt Gvern Laburista ma ssirx diskriminazzjoni politika. Madanakollu, saħqet Therese Comodini Cachia, ma setgħetx tippretendi wisq aktar minn Ministru li ra lill-mara tiegħu tingħata 13,000 ewro fix-xahar għal job fiċ-Ċina.

Fid-diskors tagħha il-Kandidata tal-PN qalet li f’Marzu 2013, il-poplu Malti vvota biex jitnaqqsu l-waiting lists, biex is-servizz fil-qasam tas-saħħa mentali tkun aktar organizzata, biex tonqos il-lista ta’ mediċini out-of-stock, biex l-anzjani jirċievu l-mediċini b’xejn fi djarhom, biex jisparixxu s-soddod fil-kurituri u għal kura tas-saħħa fil-ħin u servizz tajjeb. Iżda llum, jidher biċ-ċar li l-Gvern fil-qasam tas-saħħa rema l-wegħdiet kollha u qed rikeb fuq is-settur tas-saħħa bl-istess mod kif wieħed jirkeb fuq roller-coster.

Therese Comodini Cachia qalet li għall-Gvern Laburista, il-qasam tas-saħħa huwa ‘joy-ride’ għax jitrattah b’mod dilettantesk. Iżda fl-istess waqt, dan qed ikun ta’ pjaga mhux biss għal kull min hu nvolut f’dan il-qasam, iżda wkoll għal min jibbenefika minn dan il-qasam. B’kuntrarju għal amministrazzjoni preċedenti, fl-aħħar erbatax-il xahar, il-pazjent ġie umiljat, degredat u mormi, saħqet Therese Comodini Cachia.

Fid-diskors tagħha, Therese Comodini Cachia irrimarkat li anke’ fil-qasam tas-saħħa, qed tkun l-Unjoni Ewropea li qed tiddefendi d-drittijiet tal-pazjenti, għall-kuntlarju ta’ ‘charter’ tad-drittijiet tal-pazjenti li suppost kellu jagħmel il-Gvern Laburista. Semmiet kif grazzi għall-Unjoni Ewropea, pazjent jista’ jirċievi trattament mediku f’pajjiż ieħor tal-UE bi spiża għall-Gvern ta’ pajjiżu jekk dak is-servizz ma jingħatax f’pajjiżu.

KEVIN CUTAJAR-1

Kevin Cutajar – Malta Aħjar biex Għawdex tkun aħjar ukoll

Irridu naraw li bil-manifest tagħna ta’ ‘Malta Aħjar’, ikollna Għawdex Aħjar ukoll u huwa l-Partit Nazzjonalista biss li jista’ jara li Għawdex tkun tabilħaqq aħjar. Kliem il-Kandidat Kevin Cutajar waqt id-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali, fejn semma l-mod kif fl-aħħar xhur, Għawdex mar lura.

Kevin Cutajar qal li hu vitali li l-ħolma tal-Partit Nazzjonalista li jinkiseb it-tielet siġġu issir realtà bil-għan li mhux biss naraw Malta Aħjar, iżda li naraw ukoll Għawdex Aħjar għaliex f’sena mmexxi mill-Gvern Laburista, Għawdex mar lura f’numru ta’ oqsma, fosthom dak tax-xogħol.

Fakkar li kien l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li bil-ħidma tiegħu assigura għal Malta aktar minn biljun ewro, li għaxra fil-mija tagħhom għandhom ikunu allokati għal Għawdex, iżda s’issa, il-Gvern Laburista għadu ma semma xejn kif se jonfoq dawn il-flus għal Għawdex.

Kevin Cutajar qal li l-Gvern Laburista ġab lil pajjiżna fi stat fejn in-nies jibżgħu jitkellmu għar-raġuni li jista’ jkun hemm konsegwenzi politiċi. Saħaq li huwa inaċettabbli li l-Gvern Laburista jħalli din is-sitwazzjoni meta tela’ fil-poter fl-għajta ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’, u hija għal din ir-raġuni, saħaq Kevin Cutajar, li l-poplu għandu jivvota għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista.

Kevin Cutajar saħaq li hu importanti li l-Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista jkunu attivi fi ħdan il-Parlament Ewropew, għaliex il-Parlament Ewropew huwa l-Parlament tal-Maltin daqskemm hu l-Parlament ta’ Malta u anke’ l-Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista jistgħu jaħdmu mill-Parlament Ewropew biex ikollna Malta Aħjar filwaqt li jkomplu jikxfu l-governanza ħażina tal-Gvern Laburista.

Kevin Cutajar qal li dan huwa ż-żmien fejn kulħadd għandu jaħdem bil-qalb biex iwassal il-messaġġ li ġej mill-qalb kbira li għandu l-Partit Nazzjonalista.

HELGA ELLUL-4

Helga Ellul – Malta Aħjar b’MEPs li huma konvinti mill-futur Ewropew

Pajjiżna għandu bżonn Membri Parlamentari Ewropej li huma verament konvinti mill-proġett Ewropew u mill-futur tal-Unjoni Ewropea. Hekk stqarret il-Kandidata Helga Ellul f’diskors waqt il-Kunsill Ġenerali.

Helga Ellul saħqet li kien il-Partit Nazzjonalista li għamel suċċess għal pajjiżna permezz tal-Unjoni Ewropea, għax kien il-Partit Nazzjonalista li tabilħaqq kien, għadu u jibqa’ il-Partit Ewropew f’Malta, u huma biss il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li jistgħu ikomplu jagħmlu suċċess għal Malta permezz tal-Unjoni Ewropea.

Helga Ellul fakkret kif illum il-ġurnata, pajjiżna jgawdi minn ħafna benefiċċji tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-movument ħieles, il-munita komuni, il-leġislazzjoni komuni, il-fondi li biddlu lil Malta u Għawdex, it-tisħiħ tal-ekonomija u r-reputazzjoni ta’ Malta li ssaħħet fl-Unjoni Ewropea. Saħqet li wieħed ikun parti mill-Unjoni Ewropea, mhux biss li tkun fil-Parlament Ewropew, iżda li tkun temmen fil-proġett tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kandidata tal-Partit Nazzjonalista irrakkontat l-esperjenza tagħha f’Malta minn meta ġiet f’Malta biex taħdem għal kumpanija ewlenija, li minn 50 impjgat spiċċat tħaddem ‘il fuq minn elf ruħ, suċċess li parti minnu kien dovut ukoll għall-iżvilupp ta’ pajjiżna u għall-ħiliet straordinarji tal-Maltin.

Helga Ellul qalet li matul is-snin tagħha f’Malta hi spiċċat tħobb lil Malta u l-passaport ġie b’mod naturali u mhux għax xtratu.

STEFANO MALLIA-1

Stefano Mallia – Il-Gvern Laburista ma jistax jibqa’ jirrombla minn fuq kulħadd

Pajjiżna mexa minn Gvern li kien jinkwieta il-ħin kollu kif se jinħoloq ix-xogħol, għal Prim Ministru u Gvern Laburista li jitkellmu fuq kollox ħlief dwar kif se jinħoloq ix-xogħol. Il-Kandidat Stefano Mallia qal dan waqt id-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali. Stefano Mallia qal li erbatax-il xahar ta’ Gvern Laburista fissret rekord ta’ żgħażagħ ifittxu x-xogħol, rekord ta’ nies li jdumu aktar minn sena jirreġistraw, pajjiż bl-akbar kabinett fl-istorja u Gvern li jaqdi lil ta’ ġewwa biss, filwaqt li daħħal mal-1,400 persuna mas-servizz ċivil.

Stefano Mallia qal li l-Gvern Laburista nesa lil Għawdex, u minflok ‘xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin’, kif imwiegħed, il-Gvern minflok tahom lil Joe Debono Grech bħala konsulent fil-Ministeru t’Għawdex u skema ‘Naddaf u Ħaddar’.

Fid-diskors tiegħu, il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista qal li din m’hijiex il-meritokrazija li ġejna mwegħda u l-vot tal-24 ta’ Mejju għandu l-iskop li jwassal messaġġ lill-Gvern Laburista li ma jistax jibqa’ jirrombla minn fuq kulħadd u dan il-messaġġ għandu jitwassal billi l-poplu jagħżel kandidati li tassew jemmnu fil-proġett Ewropew u nies li ħadmu biex l-Unjoni Ewropea tkun realta’ għal Malta.

Stefano Mallia qal li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien il-partit li ta futur liż-żgħażagħ u li ħoloq ix-xogħol. Il-Partit Nazzjonalista jista’ jħares lura u jiftaħar bil-kisbiet filwaqt li jħares ‘il quddiem b’ċertezza li se nibnu Malta Aħjar, saħaq Stefano Mallia, filwaqt li qara ittra ta’ persuna li fl-aħħar elezzjoni vvutat lill-Partit Laburista iżda li llum qed tħossha ngannata.

Stefano Mallia temm jgħid li llum għandna Prim Ministru li ma jemminx fl-Unjoni Ewropea u li jgħid li jisma’ imma fil-verita’ jirrifjuta li jisma’. Il-poplu għandu bżonn lil Simon Busuttil biex il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra jerġa’ jkun it-tarka tal-Maltin u l-Għawdxin.

KEVIN PLUMPTON-1

Kevin Plumpton – Malta Aħjar tfisser li nibqgħu nistinkaw u nkunu l-leħen tal-poplu

Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju, il-poplu jrid jagħmel għażla – għażla bejn il-messaġġ tal-Partit Laburista u dak tal-Partit Nazzjonalista ‘Malta Aħjar’ u għal din ir-raġuni huwa importanti li nispjegaw li Malta Aħjar għalina tfisser li b’konsistenza u lealtà nibqgħu nistinkaw u nkunu l-leħen tal-poplu Malti u Għawdxi kollu fil-Parlament Ewropew.

Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista Kevin Plumpton qal dan fid-diskors tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali. Qal li l-ħolma ta’ Malta Aħjar bdiet meta l-preċedessuri tagħna poġġew iż-żerrija fil-qalb tal-Partit Nazzjonalista biex din l-ambizzjoni tabilħaqq issir realtà.

Fid-diskors tiegħu Kevin Plumpton fakkar fil-5,800 żgħażagħ li jinsabu bla xogħol, u li kienu mwegħda garanzija ta’ xogħol iżda llum jidher li l-Gvern ma sab l-ebda enerġija pożittiva għal dawn iż-żgħażagħ. Semma wkoll lil dawk kollha tal-qalba u li ngħataw karigi u salarji u qal li għal dawn, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu enerġija pożittiva, filwaqt li għal dawk li qed jirreġstraw ma sab l-ebda enerġija pożittiva.

Kevin Plumpton appella għall-kuraġġ, għax il-Partit Nazzjonalista jemmen li jista’ jirbaħ it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew mhux biex ikun rebaħ il-Partit Nazzjonalista jew il-Kap Simon Busuttil, iżda biex jirbaħ il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

JONATHAN SHAW-2

Jonathan Shaw – Malta Aħjar għax l-Ewropa hija opportunità

Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem ried Malta Aħjar. Permezz tal-viżjoni ta’ Ġorġ Borg Olivier għal Malta Aħjar, pajjiżna kiseb l-Indipendenza u permezz tal-viżjoni ta’ Eddie Fenech Adami għal Malta Aħjar, pajjiżna issieħeb fl-Unjoni Ewropea. Illum, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jħoss il-ħtieġa li jisħaq li jrid Malta Aħjar – mhux għax ninsabu fuq l-għatba ta’ mument storiku ieħor, iżda għax pajjiżna qed jara nies li ħajjithom marret għall-agħar, filwaqt li oħrajn tal-qalba li ħajjithom marret għall-aħjar.

Kien dan il-messaġġ tal-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista Jonathan Shaw meta kien qed jitkellem fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fejn qal li fl-aħħar erbatax il-xahar ta’ Gvern Laburista pajjiżna qabad it-triq tan-niżla, bir-rata tal-qgħad li qed tiżdied, bir-reputazzjoni ta’ pajjiżna li qed titkisser.

Jonathan Shaw qal li hu fid-dover ta’ kulħadd li naħdmu biex Malta verament terġa’ ssir aħjar għal kulħadd u saħaq li t-tielet siġġu li għandu jikseb il-Partit Nazzjonalista huwa importanti għax kien il-Partit Nazzjonalista li dejjem emmen fil-proġett tal-Unjoni Ewropea.

Saħaq li l-Ewropa hija opportunità u mhux problema u illum il-ġurnata huwa impossibbli li wieħed jimmaġina fejn kienet tmur Malta li kieku ma dħalniex fl-Unjoni Ewropea, għax l-Unjoni Ewropea fetħet il-bibien tal-opportunitajiet beraħ għal min irid jaħdem, għal min irid iħaddem u għal min irid jara Malta Aħjar.

Fl-aħħar nett Jonathan Shaw qal li l-mentalità ta’ min għadu kontra l-Unjoni Ewropea għandha tinkwetana u tagħti raġuni oħra għalxiex il-Partit Nazzjonalista għandu jingħata t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.


NORMAN VELLA-3

Norman Vella – Il-Partit Laburista għalaqli ħalqi u l-Partit Nazzjonalista reġa’ tani vuċi

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonlaista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norman Vella qal huwa dejjem ra l-ġurnaliżmu bħala l-vuċi tan-nies u l-vuċi tal-verità. Madankollu l-Prim Ministru Joseph Muscat rah ta’ xkiel u ddeċieda li jagħlaqu ħalqu permezz ta’ “daqqa taħt iċ-ċinturin”. “Iżda jekk il-Partit Laburista għalaqli ħalqi, il-Partit Nazzjonalista fetaħuli” qal Norman Vella.

Norman Vella qal li, minkejja li ġej minn familja Laburista, jinsab kburi li emmen fil-viżjoni tal-Unjoni Ewropea u li vvota favur din il-viżjoni biex ikollna Malta Aħjar.

Norman Vella qal li huwa importanti li wara r-riżultat elettorali, nitgħallmu minn dak ir-riżultat u nitolbu apoloġija. Iżda fl-istess ħin il-Partit Nazzjonalista jrid ikun kburi b’dak li għamel u kif bidel il-pajjiż. Huwa fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li ġab il-valuri tal-libertà u d-demokrazija f’pajjiżna.

“Ejja ma nħallux lil Joseph Muscat jikteb l-istorja mill-ġdid” sostna Norman Vella.

Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu jkompli jiddefendi l-valur tad-demokrazija u jkun it-tarka taċ-ċittadini partikoalrment meta llum l-istituzzjonijiet saru estensjoni tal-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista għandu jkompli jiddefendi l-valur tal-libertà partukolarment illum meta reġgħet daħlet il-biżgħa.

“Ejja nkomplu naħdmu biex nsostnu l-valur tad-demokrazija. Ejja nkomplu naħdmu għall-valur tal-libertà għax hekk biss nistgħu nassiguraw li Malta tkun pajjiż aħjar”, temm id-diskors tiegħu Norman Vella.

FRANCIS ZAMMIT DIMECH-1

Francis Zammit Dimech – Vot favur il-verità u kontra l-ingann

Nhar l-24 ta’ Mejju l-poplu Malti għandu jivvota favur il-valur tal-verità u kontra l-gideb u l-ingann. Il-poplu Malti għandu jivvota favur Malta aħjar.

Kien dan l-appell tal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech meta kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali. L-ewwel Kunsill Ġenerali li, wara ħidma minn kummissjoni mmexxija minn Francis Zammit Dimech stess, fetaħ beraħ il-bibien tal-Partit Nazzjonalista.

Francis Zammit Dimech staqsa jekk Malta hijiex aħjar taħt Gvern Laburista. Huwa fakkar li llum hawn iktar minn 8000 ruħ ifittxu xogħol li minnhom 5800 huma żgħażagħ. Filwaqt li qiegħed garanzija għaż-żgħażagħ, l-uniku garanzija li kien kapaċi jagħti Gvern Laburista kienet lil dawk tal-qalba.

Francis zammit Dimech qal li wara kull inizjattiva ta’ dan il-gvern dejjem ikun hemm xi ħaġa moħbija. Wara l-Garanzija għaż-Żgħażagħ ħeba Avviż Legali li permezz tiegħu l-Ministru tal-edukazzjoni jista’ jispjuna fuq data personali tal-istudenti. Wara ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma ħeba l-proġett tat-tanker bil-ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Wara l-liġi tal-Unjoni Ċivili ħeba l-adozzjoni minn koppji tal-istess sess.

Għaldaqstant, sostna Francis Zammit Dimech, fl-24 ta’ Mejju l-poplu Malti għandu jivvota kontra l-gideb u l-ingann tal-Partit Laburista u jivvota favur il-valur tal-verità.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu Francis Zammit Dimech fakkar fl-appuntament għal nhar il-Ħamis li ġej meta pajjiżna se jkun qed ifakkar l-għaxar anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea filwaqt li ġimgħa wara se tiġi mfakkra l-ewwel sena minn meta Simon Busuttil inħatar bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Iktar tard f’Settembru, fakkar Francis zammit Dimech, pajjiżna se jiċċelebra l-50 sena minn meta Malta kisbet l-Indipendenza.

ROBERTA METSOLA-2

Roberta Metsola – Li kien għall-Partit Laburista illum m’aħniex fl-Unjoni Ewropea

“Li kien għal ħaddieħor mhux se mmorru nivvutaw għall-Unjoni Ewropea.”

Kien b’dawn il-kliem li l-Membru Parlamentari Ewropew u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola bdiet l-intervent tagħha waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Hija fakkret fid-dikjarazzjoni tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista, u llum kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Alfred Sant li qal li l-Maltin huma makku u li l-fabbriki kollha se jingħalqu jekk pajjiżna jidħol fl-Unjoni Ewropea.

Roberta Metsola qalet li issa l-folja nqalbet u llum Alfred Sant irid li jkun hu li jirrappreżenta lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea minkejja li ma jemminx fis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Madankollu Roberta Metsola fakkret li Alfred Sant ma kienx waħdu dakinhar u miegħu kien hemm Joseph Muscat li dak iż-żmien kien jagħmel il-programm Made in Brussels. Hija fakkret f’dak li kiteb Joseph Muscat fosthom meta ddikkjara li hu se jpoġġi l-vot tiegħu fi frejm u meta ħeġġeġ lil Laburisti biex jivvutaw le, jew jastjenu jew ma jmorrux jivvutaw. Illum, għall-kuntrarju, Muscat qed iħeġġeġ lin-nies biex imorru jivvutaw.

Roberta Metsola staqsiet jekk illum Malta hijiex l-aħjar fl-Ewropa kif wiegħed Joseph Muscat. Fakkret fiż-żieda fil-qgħad, fil-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u kif is-servizzi tas-saħħa qegħdin sejrin dejjem lura.

Fi tmiem id-diskors tagħha hija ħeġġet biex in-nies jivvutaw lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għax kienu dawn il-kandidati li dejjem ħadmu biex Malta tkun aħjar.

DAVID CASA-3

David Casa – Ħa nkunu hemm biex dak li ksibna ma jċaħħadulna ħadd

Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista se jkunu hemm biex dak li ksibna bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea ma jċaħħadulna ħadd.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew u kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Casa qal dan meta kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li matulu tnieda l-manifest elettorali għal din l-elezzjoni.

David Casa fakkar li l-ħidma taż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista ssuperat dik tal-erba’ Membri Parlamentari Laburisti. “Immaġinaw l-ħidma li ssir bi tliet Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista” saħaq David Casa.

David Casa fakkar fid-dikjarazzjoni tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant, u llum kandidat tal-Partit Laburista fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, li qal li huwa kellu raġun fl-argumenti tiegħu kontra s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Casa qal li dak kollu li kien qal Alfred Sant kien kollu gideb u ingann għax pajjiżna ma għaddiex minn dak li Sant beżża’ bih fil-kampanja tiegħu biex pajjiżna ma jidħolx fl-Unjoni Ewropea.

Huwa fakkar li il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma kienx ikkonsultat fuq il-ħatra tal-Kummissarju Ewropew u l-ġdid u saħaq li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma għandhiex tinqa’ umiljata b’dan il-mod.

Ftit ġimgħat ‘il bogħod mill-elezzjoni għall-għażla tal-Membri Parlamentari Ewropej David Casa kellu messaġġ ta’ kuraġġ għal dawk preżenti waqt il-Kunsill Ġenerali u għal dawk li se jkunu qed jivvutaw fl-24 ta’ Mejju u saħaq li s-sewwa jirbaħ żgur.

MARIO DE MARCO-3

Mario De Marco – Il-Partit Laburista ma żammx mal-wegħdi tiegħu biex Malta tkun aħjar

Il-Partit Laburista ma żammx mal-wegħdi tiegħu biex Malta tkun aħjar. Għall-kuntrarju huwa l-Partit Nazzjonalista li għandu viżjoni għal Malta aħjar li tgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi.

Id-distakk bejn il-wegħdi tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni u dak li ġara matul l-ewwel sena ta’ Gvern Labursita kien fiċ-ċentru tal-intervent li għamel il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament Mario De Marco meta kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali.

Ta’ min jgħid li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami ma kienx preżenti waqt dan il-Kunsill minħabba li se jkun qiegħed preżenti Ruma għall-kanonizzazzjoni taż-żewġ Papiet u għaldaqstant ma setax jindirizza dan il-Kunsill Ġenerali.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu Mario De Marco ffoka fuq l-ekonomija u qal li filwaqt li l-Ewropa ħierġa mir-riċessjoni, pajjiżna, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat miexi lura.

Mario De Marco fakkar li matul is-sena li għaddiet dawk li jipproduċu u jesportaw f’pajjiżna raw l-ikbar tnaqqis mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Pajjiżna ra wkoll l-ikbar tnaqqis fil-produzzjoni industrijali f’pajjiżna u t-tieni l-ikbar tnaqqis fl-importazzjoni.

Huwa fakkar ukoll li llum wara erbatax-il xahar ta’ Gvern Laburista l-qgħad ilaħħaq it-8000 ruħ li minnhom 5800 huma żgħażagħ. Fakkar li waqt il-programm Xarabank meta kien qed jiġi diskuss il-qgħad rappreżentanta tal-Partit Laburista qal li l-qgħad żdied għax dan il-Gvern ħoloq skemi għax-xogħol. Mario De Marco fakkar li meta waqt l-istess programm huwa staqsa lill-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer biex isemmi mqar fabbrika waħda ġdida li bdiet topera f’Malta fi żmien Gvern Laburista dan ma kellu l-ebda risposta.

Mario De Marco tkellem ukoll dwar ir-riforma tal-Gvern Laburista fit-trasport pubbliku – riforma li wasslet biex is-sussidju tal-gvern għat-trasport pubbliku jiżdied minn €7 miljun għal €40 miljun fis-sena. Din ir-riforma wasslet ukoll biex il-Ministru responsabbli mit-trasport Joe Mizzi ma jeskludix li n-noll jista’ jiżdied.

Mario De Marco saħaq li dan huwa Gvern ta’ ingann. Gvern li ma jiddejjaq xejn isejjaħ kuritur fi sptar bħala sala, li ma jiddejjaqx jaħbi l-problema tal-mediċini out of stock u jsejħilhom ‘pending orders’.

Dan huwa gvern, saħaq Mario De Marco, li ma ddejjaq xejn li jagħti l-mediċini lil dawk tal-qalba tant li Kamra tal-Kummerċ tkellmet dwar tsunami ta’ ndħil fil-qasam tas-saħħa. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll fid-dikjarazzjoni tal-MAM li l-Ministru Edward Scicluna qed jippjana tnaqqis fl-ispiża tal-Gvern għas-saħħa.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-edukazzjoni u staqsa fejnhom l-iskejjel il-ġodda li kellu jibni Gvern Laburista. Huwa fakkar li l-Gvern Laburista neħħa l-prinċipju tal-inklussività biex minflok daħħal il-banding li huwa forma oħra ta’ streaming.

L-ambjent kien fiċ-ċentru tad-diskors tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista li rrefera għad-dikjarazzjoni ta’ sitt organizzazzjonijiet ambjentali li sejħu r-riforma tal-MEPA bħala eżerċizzju fid-diżonesta politika kif għamlet ukoll il-Kummissjoni għall-Ambjent fi ħdan il-Knisja li qalet li dan huwa pass lura. Din ir-riforma sabet ukoll il-kundanna tal-għaqda Din l-Art Ħelwa.

F’dan kollu, fakkar Mario De Marco, il-Ministru tal-Ambjent jinsab sieket u ddikkjara wkoll li hua ma kienx ikkonsulta fuq din ir-riforma li tant tolqot lill-ambjent.

Fid-dawl ta’ dan kollu, saħaq Mario De Marco, huwa ċar li l-vot tal-poplu għandu jmur lejn min verament irid Malta Aħjar fl-interess tal-maltin u l-Għawdexin kollha.

“Il-vot tagħkom għandu jmur lejn min irid imexxi fl-interess ta’ kulħadd u mhux fl-interess tal-ftit. Lejn min iwettaq dak li wiegħed u mhux lejn min jagħmel il-maqlub. Lejn min minn dejjem emmen fil-proġett tal-Unjoni Ewropea u mhux lejn min ħadem kontra. Lejn min ħadem biex għada jkun aħjar mil-lum”, temm l-indirizz tiegħu Mario De Marco.