Ambjent Lokali

Interrogat ġurnalist tal-BBC li ġie Malta biex jagħmel dokumentarju fuq il-Kaċċa fir-Rebbiegħa

Il-Preżentatur tal-BBC Chris Packham, li kien f'Malta biex jiġbed dokumentarju

maltarightnow.com hu infurmat li l-preżentatur tal-BBC, Chris Packham li fl-aħħar ġimgħat ġie Malta biex jagħmel dokumentarju fuq il-Kaċċa fir-Rebbiegħa, illum wara nofsinhar ġie msejjaħ mill-Pulizija biex jitkellem mal-Kap tal-ALE.

Mill-informazzjoni li għandna jirriżulta li hu ma nżammx taħt arrest u aċċetta li jmur minn jeddu id-Depot tal-Pulizija.

Iktar kmieni llum, Packham tella’ fuq l-internet l-ħames episodju tad-dokumentarju tiegħu ‘Malta Massacre on Migration’ li juri kaċċaturi f’art pubblika fl-inħawi tal-Miżieb li ppruvaw iwaqqfuh milli jieħu l-filmati. Id-dokumentarju juri wkoll filmati tar-riserva naturali tas-Simar fejn Packham ingħaqad mat-tfal li kienu qed igawdu x-xeni naturali ta’ dan is-sit. Filwaqt li jirreferi wkoll għall-ħidma ta’ għaqdiet ambjentali f’pajjiżna.

Ilbieraħ, l-FKNK, ressqet protest ġudizzjarju fil-Qorti li fih talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tiġi mħarsa l-privatezza tal-kaċċaturi matul l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa.

U llum, l-Alternativa Demokratika ħabbret li l-kandidat tagħha fl-aħħar elezzjoni ġenerali David Camilleri, ġie aggredit u mgħajjar minn żewġ kaċċaturi mill-Qala. Hu qala daqtejn ta’ ponn fl-istonku u kien trattat għall-ġrieħi ħfif fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dwar dan il-każ tħabbar li sar rapport mal-Pulizija.