Kultura Lokali

It-8 edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat

Matul tmiem il-ġimgħa li ġejja, il-Fosos tal-Furjana ser jkunu qed jospitaw għat-tmien darba l-edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Sindku tal-Furjana Nigel Holland u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo tħabbru d-dettalji għall-edizzjoni ta’ din is-sena li se ssir is-Sibt 3 ta’ Mejju. 11-il kumpless u Għaqda tan-Nar daħlu għal din il-kompetizzjoni fejn b’kollox ser ikun hemm 22 struttura ta’ logħob tan-nar mekkanizzat, akkumpanjat minn mużika addattata.

Dan kollu se jsir f’ambjent tipiku ta’ festa Maltija, hekk kif dakinhar tal-Festival jaħbat lejliet il-Festa ta’ San Publiju.

Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu u jivvota permezz tal-sms, filwaqt li ġurija magħmula minn tlett pirotekniċi internazzjonali ser tkun qed tevalwa x-xogħolijiet tan-nar waqt l-armar, waqt il-ħruq u anke permezz ta’ filmati.

Is-sena li għaddiet il-Festival intrebaħ mill-Għaqda tan-Nar Soċjetà Mużikali Vittoria tan-Naxxar. Ir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena jitħabbru l-għada l-Ħadd fil-11.30 fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali tal-Furjana.

Intant il-Ġimgħa filgħaxija ngħata bidu għall-Festival Internazzjonali tal-logħob tan-nar f’Marsaxlokk li jkompli l-Ħadd f’Buġibba. Il-qofol tal-ispettaklu tal-logħob tan-nar jintlaħaq nhar l-Erbgħa li ġej fil-Port il-Kbir, proprju fl-istess post u ġurnata meta għaxar snin qabel saru ċ-ċelebrazzjonijiet tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.