Fi stqarrija, is-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista qalet li numru ta’ mpjegati part-time mal-Air Malta kellhom il-kuntratti tagħhom imġedda għal xahar kuntrarju għal dak li kien jiġri qabel fejn il-kuntratt kien jiġġedded għal sitt xhur.
Ammont sostanzjali ta’ ħaddiema tar-Rampa fl-AirMalta avviċinaw lis-SĦPN fejn ilmentaw li mhux ġust li lilhom iġġedilhom il-kuntratt għal xahar biss wara li hemm min ilu jaħdem mal-kumpanija għal iktar minn sena u taw prova li xogħolhom jagħmluh tajjeb. L-SĦPN qalet li dawn il-ħaddiema qed isaqsu jekk dan hux xi tip ta’prekarjat ġdid u jekk hux se jkunu qed jagħmlu l-wisa’ biex jidħlu impjegati ġodda minflokom b’kundizzjonijiet inferjuri?
Dawk li tkellmu mal-SĦPN sostnew ukoll li numru minnhom kellhom il-kuntratt tagħhom mhux imġedded wara li korrew fuq ix-xogħol.
L-SĦPN qalet li dawn l-impjegati ġustament kienu qed jistennew li peress li resqin ix-xhur tas-sajf u x-xogħol jiżdied b’mod konsiderevoli, il-kumpanija ġġeddilhom il-kuntratt b’sitt xhur bħal kumplament tal-ħaddiema sħabhom l-oħra. Il-ħaddiema qed isostnu li hu nġust li se jkollhom iwarrbu wara li akkwistaw numru ta’ xhur u snin ta’ esperjenza u l-kumpanija se jkollha tagħti taħriġ lill-impjegati ġodda fix-xhur tas-Sajf.
//= $special ?>
