Lokali

L-esebizzjoni annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Model Engineers

Għal sena oħra, l-Assoċjazzjoni tal-Model Engineers qed torganizza l-esebizzjoni annwali tagħha li tattira l-kreattività u xogħlijiet metikolużi ta’ dawk dilletanti ta’ dan id-delizzju.

Il-wirjiet jinkludu xogħolijiet bl-idejn fosthom ta’ ajruplani li huma magħmulin minn sempliċiment munita kif ukoll mudelli ta’ stazzjonijiet tal-ferrovija, kemm bħal dik li kien hemm fil-Ħamrun kif ukoll oħra ta’ stazzjon tipiku Ingliż. Attrazzjoni oħra hija mudell mibni fuq ajruport barrani, maħdum sal-inqas dettall bi flotta ta’ ajruplani internazzjonali.

Wieħed jista japprezza wkoll ix-xogħlijiet ta’ wħud li b’kapaċità jitrasformaw pjanċa tal-ħadid f’diversi mudelli ta’ karozzi wara li jkunu ispirati minn xi ritratt partikolari.

Sezzjoni oħra hija dik magħrufa bħala Dioramas. Hija definizzjoni ta’ deskrizzjoni ta’ storja u tirrapreżenta x-xenarju veru tal-aspett Malti li jinkludi r-razzett tipiku u l-ħajt tas-sejjieħ.

L-esebizzjoni li għaliha d-dħul huwa b’xejn qed tittella fl-Oratorju fin-Naxxar u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd 4 ta’ Mejju kuljum mid-9am sat-8pm.