Futbol Sport

Naxxar isalvaw posthom mal-kbar

VITTORIOSA S……………..1
NAXXAR L…………………….3

Vittoriosa> M. Muscat, C. Brincat, O. Sidibe, C. Sammut, J.F. Aguiar, M. Pereira, L. Vella Critien, O. Guerrero, L. Torri, S. Arab, C. Spiteri
Sost- S. Eddin Arab flok C. Sammut 46’, F. Arriagada Mella flok L. Torri 67’, M. Barbara flok S. Arab 67’,

Naxxar> J. Azzopardi, R. Bakare, V. Bellia, A. Buhagiar, R.G. Cassar, G. Da Silva Ribeiro, D. Falzon, T. Lopes de Souza, D. Reano, T. Scerri, F. Stojanovic
Sost- D. Bonnici flok T. Scerri 81’, M. Vignjevic flok G. Da Silva Ribeiro 92’

Skorjaw> G. Da Silva Ribeiro 14’, F. Stojanovic 24’, D. Alejandro Reano 43’ (N)
Imwissija> S. Arab 13’, C. Brincat 60’, J.F. Aguiar 71’, L. Vella Critien 87’, M. Pereira 93’ (V), T. Scerri 22’, F. Stojanovic 67’, G. Da Silva Ribeiro 87’ (N)
Referee> Alan Mario Sant
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba> Gilmar da Silva Ribeiro (Naxxar Lions)

Naxxar Lions irnexxilhom isalvaw posthom fil-kampjonat Premier meta f’partita mimlija tensjoni għelbu lil Vittoriosa Stars 3-1. Il-partita kellha żewġ faċċati b’Naxxar jiddominaw l-ewwel taqsima fejn skorjaw tliet gowls. Fit-tieni taqsima kienet partita għat-tela’ għal Vittoriosa li iżda pruvaw kemm setgħu b’diversi attakki.

Għal Naxxar kien staġun ta’ żewġ faċċati wara li t-tim promoss kellu l-ewwel fażi pożittiva u anki kien ftit punti bogħod miċ-Championship Pool. Iżda wara l-qsim tal-punti, id-distakk li kellhom min-naħa naqas bin-nofs u wara żewġ riżultati ħżiena daħlu fil-periklu tar-relegazzjoni u kellhom jsalvaw f’din il-partita.

Minn naħa tagħhom Vittoriosa wara li flimkien ma’ Naxxar ħadu l-promozzjoni fl-aħħar staġun dehret li kien ser ikollhom staġun diffiċli u anki matul l-istaġun kellhom diffikultajiet finanzjarji iżda baqgħu jissieltu sal-aħħar b’wirjiet tajbin u qalbiena.

Il-kowċ Oliver Spiteri wera l-istess fiduċja fil-11-il plejer li rebħu kontra Qormi. Minn naħa l-oħra l-kowċ Winston Muscat għamel erba’ tibdiliet mit-telfa kontra Floriana meta rritornaw Julian Azzopardi, Gilmar da Silva Ribeiro u Reano minn sospensjoni filwaqt li Terence Scerri rritorna mal-ewwel ħdax biex ħadu post Luke Pecorella, Andrew Decesare, Yuri Martines de Oliveira u Milan Vignjevic rispettivament.

Vittoriosa ħolqu l-ewwel periklu fit-8 minuta meta free-kick ta’ Guerrero ġie devjat minn Terence Scerri bil-ballun jinżel fuq il-mimduda. Naxxar marru fil-vantaġġ fl-14-il minuta meta free-kick ta’ Gilmar ħabat mal-barriera, David Reano xxutja mir-rebawnd, ħabat ma’ GILMAR DA SILVA RIBEIRO li qarraq b’Mario Muscat. Erba’ minuti wara xutt fil-baxx ta’ Filip Stojanovic ġie salvat minn Mario Muscat. In-Naxxarin skorjaw it-tieni gowl fl-24 minuta meta FILIP STOJANOVIC prova xutt minn barra l-kaxxa li deher faċli għal Muscat iżda l-ballun żelaq minn idejn il-goalkeeper Ġirbi u spiċċa fix-xibka.

Naxxar għamluhom tlieta fit-43 minuta meta minn korner ta’ Gilmar, ħarġa difettuża ta’ Muscat ippermetta li l-ballun jispiċċa għand DAVID ALEJANDRO REANO li skorja f’lasta vojta.

Vittoriosa setgħu naqqsu l-marġni tal-iskor fit-52 minuta meta l-ewwel Julian Azzopardi b’miraklu salva bis-sieq fuq xutt mill-viċin ta’ Guerrero, imbagħad Azzopardi reġa ddistingwa ruħu b’save ieħor fuq Guerrero u mir-rebawnd Pereira krossja fin-nofs lejn is-sostitut Siraj Arab li prova iżda x-xutt tiegħu għadda ftit barra. Naxxar fallew opportunita’ tajba meta Gilmar għadda lejn Daren Falzon li avvanza iżda mill-viċin spara għoli.

Vittoriosa għal darba oħra kienu sfortunati fit-58 minuta meta kien Marcelo Pereira li b’xutt b’saħħtu ġie mċaħħad mill-wieqfa. Naxxar marru viċin ir-raba’ gowl fil-65 minuta iżda Mario Muscat salva tajjeb ix-xutt ta’ Daren Falzon. Vittoriosa Stars naqqsu l-marġni fis-69 minuta meta Oscar Guerrero krossja lejn MARCELO PEREIRA li żamm b’sidru, dar ma’ Buhagiar u għeleb lil Azzopardi b’xutt fil-baxx. Fil-75 minuta free-kick ta’ Oscar Guerrero ġie salvat tajjeb minn Azzopardi.

Vittoriosa pruvaw sal-aħħar inaqqsu l-marġni iżda ma rnexxilhom jikkonkludu biex it-tisfira finali ntlaqgħet minn ferħ mill-plejers u supporters numerużi ta’ Naxxar.