“Mhux se nidħol f’kawżi individwali u jekk hemm xi mistoqsijiet xi jsiru, għamluhom lill-Pulizija.”
Hekk stqarr il-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja Owen Bonnici meta kien mitlub jirreaġixxi għad-dikjarazzjoni iebsa li għamel l-Avukat Joe Giglio fil-Qorti l-Ħamis.
Waqt kawża partikolari fil-Qorti tal-Maġistrati, l-Avukat Giglio qal li taħt din l-amministrazzjoni l-ġdida qed isiru liġijiet biex jakkomodaw lil ċertu nies.
Imma waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tnidew numru ta’ servizzi ġodda fil-Qrati, il-Ministru Bonnici ma weġibx għall-kritika li taħt dan il-Gvern qed isiru liġijiet biex ikunu aġevolati xi nies. U tefagħha fuq il-pulizija.
Sadanittant, fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici, li kien akkumpanjat mill-Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono, ħabbar aktar servizzi fil-Qorti Ċivili, fosthom li każi differiti jkunu notifikati permezz ta’ SMS u li l-verbal tax-xhieda jintbagħat b’email.
Il-Ministru Bonnici qal li minbarra li fil-Qorti twaqqaf uffiċċju tal-customer care, dalwaqt se jitnieda servizz ieħor fejn in-notifiki tal-marixxalli tal-Qrati Ċivili, se jibdew jiġu komunikati permezz ta’ email lill-prokuraturi legali jew lill-avukati taż-żewġ partijiet.
Owen Bonnici fakkar ukoll kif il-kjuwijiet biex wieħed jidħol fil-Qorti naqsu. Hu kompla li wara dawn is-servizzi, il-Gvern se jaqbad ma’ proċeduri kriminali li se jkunu mmodernizzati teknoloġikament.