Il-Grupp Bank of Valletta rreġistra profitt qabel it-taxxa ta’ 50.7 miljun ewro għall-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja 2014. Dan wera tnaqqis ta’ 21% fuq l-istess perjodu tal-2013. Dawn ir-riżultati wasslu biex il-Grupp jiddikjara interim dividend gross ta’ 4.25ċ għal kull sehem, li se jitħallsu fit-23 ta’ Mejju lill-azzjonisti fuq ir-Reġistru tal-Membri tal-Bank fl-għeluq il-ġurnata tan-negozju tat-8 ta’ Mejju.
Ir-riżultati wrew li l-marġini tal-interessi jammontaw għal 61.6 miljun ewro, jew tnaqqis ta’ 7% fuq l-2013. Id-dħul nett mill-kummissjonijiet u trading żdied b’7% biex laħaq 35.4 miljun ewro. In-negozju tal-cards, pagamenti u attivitajiet relatati mal-investiment ukoll taw kontribut sinjifikanti lejn dan ir-riżultat.
Filwaqt li s-self nett tal-Bank żdied bi 12-il miljun ewro għal 3.74 biljun ewro, id-depożiti tal-klijenti raw żieda ta’ 362 miljun ewro għal 6.58 biljun ewro fuq l-istess perjodu tal-2013. L-assi totali sal-31 ta’ Marzu kienu ta’ 7.73 biljun ewro, filwaqt li l-ispejjeż tal-operat għas-sitt xhur ammontaw għal 46.5 miljun ewro, jew żieda ta’ 4%.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, John Cassar White, iċ-Chairman tal-Grupp BOV, qal li r-riżultati huma adekwati meta wieħed jikkunsidra l-ambjent kompetittiv li kien qed jopera fih il-Bank. Hu nnota l-isfidi li l-Bank mistenni jiffaċċja fis-snin li ġejjin, fosthom l-Asset Quality Review li qed isir mill-Bank Ċentrali Ewropew bħala introduzzjoni għas-Single Supervisory Mechanism.
Cassar White wiegħed li l-Bord tad-Diretturi se jkompli jħaddem mudell ta’ negozju prudenti, li jiżgura li l-kwalita` u l-kwantita` tar-riżorsi qatt ma jitpoġġew f’riskju.
//= $special ?>