Futbol Sport

Valletta Champions għat-22 darba

BIRKIRKARA……….0
VALLETTA…………..2

Birkirkara> J. Haber, Z. Muscat, N. Vukanac, M. Bissi, J. Zerafa, P. Fenech, G. Sciberras, R. Muscat, E. Herrera, H. Shola Shodiya, J. Benites
Sost> F. Temile flok M. Bissi 60’, R. Calheira Seara flok R. Muscat 71’

Valletta> N. Revishvili, J. Caruana, S. Borg, R. Fenech, L. Montebello, A. da Silva Souza, S. Bajada, D. Rocha dos Santos, I. Maisuradze, A. Nafti, L. Dimech
Sost> R. Briffa flok D. Rocha dos Santos 74’, L. Elford Alliyu flok L. Montebello 80’, E. Agius flok R. Fenech 85’

Skorjaw> S. Bajada 2’, R. Briffa 93’ (V)
Imwissija> P. Fenech 8’ (B), S. Borg 22’, A. Nafti 45’, N. Revishvili 90’ (V)
Referee> Chris Lautier
Il-mument Plejer tal-Logħba> Shaun Bajada (Valletta)
Attendenza> 10,663 spettatur

Valletta huma ċ-Champions il-ġodda tal-futbol Malti wara li għelbu lil Birkirkara 2-0 f’partita mimlija tensjoni. B’dan ir-riżultat Valletta spiċċaw il-kampjonat punt biss fuq Birkirkara u rebħu t-22 kampjonat fl-istorja tagħhom.

Birkirkara kellhom staġun pożittiv fejn anki waqqfu rekord b’14-il rebħa konsekuttiva u għamlu prattikament il-kampjonat kollu fil-quċċata, iżda Valletta baqgħu jiġru warajhom u qabżuhom fl-aħħar ġurnata.

Il-gowl ta’ Shaun Bajada wara biss żewġ minuti biddel il-logħba kompletament u kellhom ikunu Birkirkara li jiġru wara r-riżultat. Mal-ħin Birkirkara ħadu aktar kunfidenza iżda Valletta bdew ikunu iktar perikolużi. Fit-tieni taqsima Valletta ddefendew ir-riżultat iżda kkontrollaw il-partita bil-Karkariżi jagħfsu għad-dro speċjalment lejn l-aħħar kwarta.

Il-kowċ ta’ Valletta Andre Paus żamm l-istess formazzjoni li għelbet lil Balzan b’Roderick Briffa jibda fuq il-bank. Paul Zammit għamel bidla waħda mir-rebħa kontra Hibernians bil-captain Gareth Sciberras jibda minflok Ryan Scicluna.

Valletta fetħu tajjeb u rnexxilhom imorru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti meta SHAUN BAJADA għeleb lil Justin Haber bi ġmiel ta’ free-kick. Birkirkara dehru mifxula mill-gowl kmieni filwaqt li Valletta dehru determinati iktar u fis-6 minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Denni għadda ftit għoli.

Birkirkara bdew ġejjin u fit-8 minuta minn azzjoni ta’ korner Revishvili dawwar f’korner daqqa ta’ ras ta’ Zach Muscat. Fit-13-il minuta Valletta għal darba oħra perikolużi meta da Silva Souza seraq ballun mingħand Bissi ħabbat il-ballun ma’ Montebello iżda x-xutt fil-baxx kien salvat minn Haber.

Minuta wara Birkirkara marru viċin meta Gareth Sciberras ipprova minn pożizzjoni angolata iżda Revishvili kien pront u dawwar f’korner.

Birkirkara bdew joqogħdu iktar mal-ħin iżda Valletta dehru iktar perikolużi u marru viċin it-tieni gowl fl-24 minuta meta Nafti ikkrossja lejn Alan da Silva Souza li pprova bix-xellug iżda Haber kien pożizzjonat tajjeb u salva t-tenattiv. Żewġ minuti wara Valletta għal darba oħra perikolużi meta kross ta’ Nafti, Luke Montebello bir-ras xeħet ftit għoli.

Fit-33 minuta Luke Dimech tajjar kross ta’ Herrera, il-ballun spiċċa għand Shola Shodiya li għadda lejn Paul Fenech li pprova fuq il-ġirja iżda x-xutt għadda fuq il-lasti. Iċ-Champions setgħu skorjaw fl-40 minuta meta Jhonnattann ma laqatx il-ballun u d-difiża ta’ Valletta kklerjat b’diffikultà.

Fit-tieni taqsima l-logħba kienet totalment differenti b’Valletta jirtiraw ftit filwaqt li Birkirkara ppruvaw jattakkaw iktar iżda l-Beltin bdew jikkontrollaw. Il-Beltin bdew isibuha diffiċli biex joħorġu mill-qoxra difensiva u Birkirkara komplew jattakkaw bil-għan li jsibu dak il-gowl li jirregalalhom il-kampjonat. Birkirkara marru viċin darbtejn fl-84 minuta meta l-ewwel Temile ikkrossja fil-baxx lejn Ronnalie iżda Revishvili salva minn mal-art. Ftit wara Temile ra lil Revishvili b’rifless eċċellenti jsalva minn fuq il-linja.

Birkirkara komplew bil-pressjoni u fid-89 minuta xutt fil-baxx ta’ Temile għadda ċentimetri barra.

Bil-Karkariżi żbilanċjati, Valletta setgħu għalqu l-partita fil-91 minuta meta Nafti kellu l-ewwel xutt li ħabat iżda mir-rebound spara għoli.

Valletta għalqu l-partita fit-93 minuta meta Lateef Elford Alliyu qassam lejn Alan da Silva Souza li għadda lejn RODERICK BRIFFA li b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb lil Justin Haber. Mat-tieni gowl il-partitarji Beltin flimkien ma’ dawk ta’ fuq il-bank qabżu fil-pitch bil-partita tintemm 2-0 wara t-tielet minuta żejda.