Illum, wara 20 sena mit-twaqqif tagħhom, l-esperiment tal-Kunsilli lokali sar esperjenza li qed tissarraf f’ġid kbir fuq livell lokali. Il-Kumitati Amministrattivi, magħrufa iktar bħala ‘hamlets’, komplew itejjbu l-kwalit’a tal-ħajja tan-nies li jgħixu f’komunitajiet żgħar.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa li matulha kienet imedija l-kandidatura tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi li se tkun qed issir nhar l-24 ta’ Mejju flimkien mal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
Minkejja li hemm 16-il lokalita’ fejn hemm Kunsill Amministrattiv, l-elezzjoni se tkun qed issir biss f’5 minn dawn il-lokalitajiet minħabba li fil-lokalitajiet l-oħra n-numru ta’ kandidati kien daqs dak meħtieġ u għaldaqstant m’hemmx ħtieġa ta’ elezzjoni.
L-attivita’ kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said li spjega li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq 52 kandidat li 40% minnhom huma nisa. Dan, qal Chris Said, ikompli jirrifletti d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Partit Nazzjonalista f’Jannar li għadda meta l-partit biddel l-istatut biex fl-elezzjonijiet interni tal-partit ikun hemm ugwaljanza fir-riżultati bejn in-nisa u l-irġiel.
Chris Said spjega li, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq 52 kandidat, il-Partit Laburista qed iressaq biss 24 kandidat u dan il-fattur wassal biex fi 11 minn 16-il lokalita ma ssirx elezzjoni.
Simon Buusttil qal li dan jindika n-nuqqas ta’ rispett tal-Partit Laburista lejn dawn il-Kumitati Amministrattivi.
Fl-intervent tiegħu Simon Busuttil qal li, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista saħħaħ il-prinċipju tas-sussidjarjeta, il-Partit Laburista reġġa’ lura dan il-principju b’numru ta’ deċiżjonijiet bħal meta biddel deċiżjoni tal-Kunsill Lokali fuq il-parkeġġ u naqqas il-baġit b’mod li rabat idejn il-Kunsilli Lokali.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Ġenerali Chris Said qal l-Partit Nazzjonalista minn dejjem ħaddan il-prinċipju tas-sussidjarjeta fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu fl-iktar livell qrib tan-nies. Qal li l-fatt li l-Partit Nazzjonalista ressaq din il-kandidatura juri l-impenn ta’ dan il-partit li jrid ikun Partit tan-Nies.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kunsilli Amministrattivi. Preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius u rappreżentanti tal-Kulleġġ Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.
Ta’ min ifakkar li għall-elezzjonijiet tal-Kumitati Ammnistrattivi wieħed jista’ jivvota semmpliciment bl-ID Card.
//= $special ?>