Lokali

Awdjo: L-ebda rappreżentant tal-Gvern Malti fiċ-ċeremonja tal-Kanoniżazzjoni

Awdjo: Kumment tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar l-esperjenza tiegħu fil-Vatikan

 

B’ċapcip u kant. Hekk wasslet fi tmiemha ċ-ċerimonja li ħabbret bħala qaddisin, fi kliem Papa Franġisku, lil żewġ mexxejja tal-Knisja li għamlu ġid enormi fl-iżvilupp tal-popli tad-dinja.

Iċ-ċerimonja bil-Latin, li bdiet fl-10am tal-Ħadd, bil-kant tal-Litanija tal-Qaddisin, rat is-sehem ta’ madwar 6,000 saċerdot, 1,000 Isqof u 150 Kardinal, tant li l-Litanija kellha tindaqq darbtejn sakemm kollha jinġabru fi Pjazza San Pietru, fil-Vatikan, fejn saret iċ-ċerimonja storika.

Ċerimonja storika, mhux biss minħabba l-kanoniżazzjoni ta’ żewġ mexxejja ikoniċi tal-Knisja, imma wkoll minħabba li attenda għaliha Papa Benedittu XVI, biex b’hekk kien hemm żewġ papiet preżenti għaċ-ċerimonja.

Hu maħsub li fil-Pjazza u fit-toroq prinċipali ta’ Ruma kien hemm madwar miljun ruħ li segwew iċ-ċerimonja. Kien proprju fil-bidu tagħha li Papa Franġisku ħabbar bil-Latin li Papa Gwanni XIII u Papa Gwanni Pawlu II għandhom jibdew jitqimu bħala qaddisin mill-Knisja Kattolika kollha.

Ħadd preżenti mill-Gvern Malti

Preżenti għaċ-ċerimonja, sfortunatament, ma kien hemm l-ebda rappreżentant mill-Gvern Malti. Anġlu Farrugia attenda bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati, flimkien ma’ Michelle Muscat u Beppe Fenech Adami, bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, f’isem l-Oppożizzjoni. L-Arċisqof Pawlu Cremona u l-Isqof Mario Grech attendew f’isem il-Knisja Maltija.

F’kummenti lil MaltaRightNow.com Beppe Fenech Adami ddeskriva l-folla li kien hemm u l-mument qasir li kellu ma’ Papa Franġisku.

Iċ-ċerimonja saret proprju fit-tmien jum wara l-Għid il-Kbir, li San Ġwanni Pawlu II kien iddedikah għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ħniena Divina. U dan jorbot ukoll mal-messaġġ ta’ Papa Frangisku fl-omelija tiegħu, fejn qal li dawn iż-żewġ Papiet kienu xhieda tal-ħniena t’Alla mal-bniedem, bir-relazzjoni tagħhom mal-Knisja u bil-kontribut tagħhom.