Futbol Sport

Chelsea jagħtu gambetta lil Liverpool u Man City japprofittaw

Chelsea taw gambetta lill-liders Liverpool meta għelbuhom 2-0 f’Anfield biex issa jinsabu biss żewġ punti taħthom. Jose Mourinho, li qabel il-logħba kien qal li se jibda bit-tieni tim ta’ Chelsea beda b’ Schwarzer bejn il-lasti li ħa post Cech li għandu staġun barra b’injury fi spalltu, Azpilicueta, Cole, Ivanovic, Kalas, Matic, Ba, Salah, Schurrle, u Obi Mikel u Frank Lampard. Dawn it-tnejn tal-aħħar huma sospiżi għal logħba ta’ nhar it-Tlieta kontra Atletico Madrid fis-semi-finali taċ-Champions League.
Liverpool, bħal ma dejjem għamlu tul dawn l-aħħar xhur, bdew aggressivi jfittxu l-gowl kmieni u minkejja li kellhom ħafna mill-pussess tal-ballun qatt ma kienu perikolużi. Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima l-Blues marru fil-vantaġġ. Il-captain ta’ Liverpool Steven Gerrard ma ikkontrollax ballun li deher faċli biex iżom,, żelaq u l-ballun spiċċa għand DEMBA BA li avanza u skurja b’xutt fil-baxx li għadda minn bejn saqajn il-goalkeeper Mignolet għal skor ta’ 1-0.
Fit-tieni taqsima t-tim ta’ Brendan Rodgers ħareġ jippressa biex iġib il-gowl tad-draw u fit-58 minuta l-goalkeeeper ta’ Chelsea Mark Schwarzer żamm lit-tim fil-logħba b’save mill-aqwa fuq xutt minn barra l-kaxxa ta’ Joe Allen.
F’temp ta’ żewġ minuti Liverpool reġgħu ġew imċaħħda minn Schwarzer. Fil-65 minuta l-goalkeeeper veteran salva fuq l-istess Allen u minuta wara kien imiss save ieħor fuq Gerrard li spara xutt minn barra l-kaxxa wara li kien irċieva mingħand Glen Johnson. Minkejja l-isforzi ta’ Liverpool, kienu Chelsea li reġgħu sabu x-xibka meta proprju fid-90 minuta s-sositut WILLIAN skurja mill-viċin biex issiġilla r-rebħa għal Chelsea.
Manchester City jinsabu tliet punti taħt Liverpool wara li għelbu lil Crystal Palace 2-0. Ta min jinnota li s-Citizens għandhom logħba inqas u b’hekk issa huma l-akbar favoriti għar-rebħ tal-kampjonat għax jekk jirbħu l-konfronti li fadlilhom ikunu huma li jispiċċaw fil-quċċata grazzi għad-differenza ta’ gowls aħjar li għandhom minn Liverpool.
Wara biss erba’ minuti DZEKO poġġa lil City fil-vantaġġ u bir-reazzjoni tat-tim ta’ Pulis ma tasalx, TOURE għamilhom tnejn żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima.
F’konfront dirett bejn żewġ timijiet li qed jissieltu biex ma jkunux relagati, Sunderland ġabu fix-xejn lil Cardiff meta rebħulhom 4-0. Wara li skurja fl-aħħar ħarġiet kontra Man City u Chelsea, Connor WICKHAM kompla minn fejn ħalla u kien hu li poġġa lil Sunderland fil-vantaġġ b’gowl fis-26 minuta. Eżatt qabel intemmet l-ewwel taqsima Cardiff spiċċaw jilagħbu b’10 meta tkeċċa Cala meta waqqa` lil Wickham fil-kaxxa. Mill-11-il metru BORINI ma żbaljax għal skor ta’ 2-0. Ir-reazzjoni ta’ Cardiff baqgħet ma waslitx u kwarta mit-tmiem it-Taljan GIACCHERINI skurja t-tielet gowl qabel ma WICKHAM issiġilla l-konfront b’gowl ieħor.