Internazzjonali Knisja Lokali

Fi Pjazza San Pietru: Żewġ Papiet jiġu dikjarati qaddisin

Fil-Belt tal-Vatikan bdiet ċeremonja li matulha l-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Ġwanni XXIII se jkunu qed jiġu dikjarati qaddisin waqt ċerimonja fi Pjazza San Pietru f’Ruma fejn għall-ewwel darba hemm żewġ mexxejja tal-Knisja ħajjin li jroddu ġieħ lill-imsemmija mexxejja preċedenti li m’għadhomx magħna.

Aktar minn ħames miljun devot huma mistennija joħonqu l-pjazza għall-avveniment, li fih huwa preżenti l-Papa preċedenti, Benedittu XVI fil-pjazza waqt li l-Papa Franġisku qed imexxi ċ-ċerimonja li mistenni tiżvolġi f’avveniment ħafna aktar solenni mill-programm tal-2011 relatat mal-beatifikazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II.

Preżenti hemm ukoll mexxejja mid-dinja kollha, iżda sfortunatament, jidher li l-ebda uffiċjal tal-Gvern Malti m’attenda għal din iċ-ċerimonja, hekk kif il-President Marie Louise Coleiro Preca għal xi raġuni ħassret l-appuntament tagħha li titla’ Ruma għal dan il-jum.

Il-Vatikan u l-knejjes f’Ruma, fl-aħħar ġranet, għamlu t-tħejjijiet finali għall-avveniment storiku u bil-knejjes kollha f’din il-belt kapitali baqgħu miftuħin il-lejl kollu għal veljiet tat-talb u biex jakkommodaw id-devoti.

Skont l-analisti, id-deċiżjoni biex il-Papa Ġwani Pawlu II u l-Papa Ġwanni XXIII ikunu dikjarati qaddisin fl-istess jum hi intiża għall-għaqda fost il-Kattoliċi, hekk kif Papa GwanniXXIII huwa mfakkar bħala riformista u għen sabiex jittrasforma l-Knisja bejn l-1958 u l-1963, filwaqt li Ġwanni Pawlu II huwa favorit mal-konservattivi. Kien ukoll personalita’ internazzjonali li attira l-attenzjoni internazzjonali hekk kif vvjaġġa madwar id-dinja biex iferrex il-messaġġ pastorali filwaqt li jiżra’ t-tama fir-reġjuni dominanti mill-persekuzzjoni.

L-avveniment tant għandu appell globali li l-kanonizzazzjoni doppja qed tixxandar, dirett, mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni madwar id-dinja kollha. Fil-fatt, il-Papa Franġisku se jsir l-ewwel Kap tal-Knisja li se jingħata profil internazzjonali fuq sistema ta’ 3D waqt iċ-ċerimonja fi Pjazza San Pietru.

Iċ-ċeremonja tal-kanoniżazzjoni qed tixxandar ‘live’ fuq NET TV