Lokali

Il-Partit Nazzjonalista ma kiser l-ebda ftehim

Il-Partit Nazzjonalista qal li ma kiser l-ebda ftehim dwar attivitajiet politiċi l-Ħadd kif allegat mill-Partit Laburista fi stqarrija aktar kmieni l-Ħadd.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-ftehim bejn iż-żewġ partiti kien li ma jsirux djalogu u attivitajiet politiċi miftuħin għall-pubbliku fuq barra bħalma jsir tas-soltu kull nhar ta’ Ħadd. Il-Partit Nazzjonalista żamm ma’ dan il-ftehim, tant li l-attività ta’ dalgħodu kienet preżentazzjoni tal-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi għal-Lokalitajiet iż-Żgħar, attività li saret fid-Dar Ċentrali u li kienet mitfuħa għall-media biss.

Il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li l-Partit Laburista, wara ġimgħa jaħbi lil Joseph Muscat mill-iskrutinju tal-mezzi tax-xandir permezz ta’ żjarat ikkontrollati għand tal-familja u messaġġi awdjoviżivi rekordjati, issa f’daqqa waħda qed iħoss il-ħtieġa li jagħti bidu għall-kampanja tiegħu.

Kulħadd jaf li dan il-Partit Laburista qed jagħmlu għax kienet ix-xewqa tiegħu li jagħti bidu għall-kampanja elettorali tiegħu fil-ġimgħa li ġejja u mhux matul il-ġimgħa li għaddiet, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jinnotax ukoll l-ipokresija ta’ partit politiku li filli jridha tal-paladin tas-separazzjoni bejn ir-reliġjon u l-istat u filli jrid iwaqqaf kull attività politika minħabba avveniment reliġjuż.