Il-pubbliku Malti kkonkorra għat-tieni edizzjoni tal-Festa tal-Fjuri organizzat mill-Kunsill Lokali L-Iklin fi Triq Geronimo Abos, l-Iklin matul il-jum tal-Ħadd.
Din l-attivita’ kienet immirata għall-familja kollha, għar-residenti tal-lokalita’ u għall-hwienet tan-negozju li kienu l-protagonisti prinċipali.
Minbarra l-bejgħ ta’ diversi fjuri u ħxejjex, fil-Festa tal-Fjuri saru taħditiet dwar diversi suġġetti relatati man-natura, kif ukoll diskussjonijiet, fost oħrajn, dwar il-bio-diversità u l-arti tal-Bonsai.
L-għaqdiet tal-Iklin, b’mod volontarju, tellgħu stands tal-fjuri bl-għajnuna ta’ entitajiet kummerċjali li appoġġjaw din l-attività.
Ħadu sehem rappreżentanti minn Nature Trust Malta, mill-Bonsai Culture Group Malta, mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, u minn WasteServ Malta Ltd fejn organizzaw attivitajiet relatati mat-tema. Ma naqsux stands armati tal-ikel b’riċetti interessanti kif ukoll ikel tradizzjonali Malti.
Barra minn hekk, kien hemm attrazzjonijiet għat-tfal biex din il-ġurnata kienet waħda divertenti għall-familja kollha. Ħadu sehem ukoll, fost oħrajn, il-grupp tal-iscouts tal-lokalita’, li biegħu diversi pjanti u kotba, kif ukoll voluntieri mill-Moviment Hospice li, mhux biss biegħu pjanti u fjuri, iżda ġabru wkoll fondi għall-organizzazzjoni tagħhom. Attrazzjonijiet oħrajn li ġibdu l-interess tat-tfal kienu l-Malta Fun Train, il-Bouncy Castle, kif ukoll il-qari ta’ stejjer.
//= $special ?>