Internazzjonali

Jippruvaw jiksbu l-ħelsien tal-uffiċjali tal-OSCE

L-UKRAJNA – Fi tmiem il-ġimgħa komplew bla waqfien negozjati biex osservaturi mill-Organizazzjoni għas-Siġurta u Koooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) jinħelsu wara li nqabdu priġuniera minn militanti favur l-għaqda mar-Russja, f’Sloviansk.

Ilbieraħ, il-militanti għamlu konferenza tal-aħbarijiet fejn preżentaw l-uffiċjali lill-ġurnalisti.L-osservaturi huma mill-Ġermanja, id-Danimarka, il-Polonja, l-Iżvezja u r-Repubblika Ċeka. Vyacheslav Ponomaryov, li ħatar lilu nnifsu sindku ta’ Sloviansk, qal li hu jrid li jsir skambju bejn l-osservaturi u militanti miżmuma mill-Gvern ta’ Kiev.

Dan hekk kif il-militanti qed ikomplu jokkupaw bini tal-Gvern fil-bliet ewlenin fil-Lvant tal-Ukrajna bi sfida għall-Gvern ċentrali f’Kiev.

Il-Ħadd ukoll, militanti qalu li kienu qabdu tliet membri tal-forzi tas-sigurta Ukreni u l-Gvern f’Kiev konferma li xi wħud mill-uffiċjali tagħha kienu nqabdu priġuniera.

Il-President Amerikan Barack Obama qal li l-Kremlin ma kien għamel assolutament xejn biex jimplimenta l-ftehim tal-ġimgħa li għaddiet f’Ġinevra bl-iskop li jtaffi l-kriżi. Illum it-Tnejn, l-Unjoni Ewropea se tiddiskuti l-possibbilta ta’ aktar sanzzjonijiet kontra r-Russja minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukrajna.