Internazzjonali Saħħa

Qed tinħakem mill-vizzju tad-droga

IL-KOREA TA’ FUQ – Hekk kif droga manufatturata fil-Korea ta’ Fuq qed tifqa’ diversi pajjiżi madwar id-dinja, jidher li dan l-istess pajjiż qed jinħakem minn din il-problema.

Id-droga hi dik tal-Crystal Meth li hi taħlita ta’ kimika u min jaqbad il-vizzju diffiċli ħafna jieqaf.
Rapporti mill-Korea ta’ Fuq isostnu li fil-pajjiż il-produzzjoni ta’ din id-droga, li fil-pajjiż hi magħrufa bħala “bingdu”, qed isir fuq skala industrjali b’uffiċjali korrotti fi sħab ma’ gruppi kriminali.

L-użu ta’ din id-droga f’dan il-pajjniż Komunista tant saret xi ħaġa komuni li ntqal li xi nies saru joffru il-crystal meth qiesu kien xi ħelu meta xi ħadd imur jżurhom. F’xi bnadi tal-pajjiż kien rapportat li madwar 50 fil-mija tal-popolazzjoni għandhom il-vizzju u qed jitnqal li dan kien wieħed mill-ftit prodotti li fil-pajjiż ma kienx skars.

Intqal li d-droga qed tintuża għal kollox minn kura għal riħ sa biex jaqtgħu l-ġuħ. Imma l-problema hi li fil-pajjiż ftit huma konxji tal-periklu kbir ta’ din id-droga minħabba l-mod kif l-informazzjoni hi kontrollata.

F’intervista li kienet saret mill-ġurnal Amerikan, il-LA Times aktar kmieni din is-sena, Lee Saera, mara li ħarbet mill-Korea ta’ Fuq, qalet li f’Hoeryong, saret tradizzjoni li meta wieħed iżur lil xi ħadd, jingħata ftit crystal meth.
Intqal li dawk li għandhom il-vizzju ta’ din id-droga qed jitlaqmu “munlan”.

Skont esperti, il-produzzjoni ta’ din id-droga kienet bdiet bil-barka tad-ditattura Koreana fil-bidu tas-snin disgħajn. Dan bl-iskop li l-pajjiż jikseb dollari Amerikani taħt meħtieġa għar-reġim. Jidher li kienu jkunu d-diplomatiċi Koreani stess, peress li għandhom l-immunita fl-ajruporti, li kienu jittraffikaw id-droga madwar id-dinja.

Fil-bidu ta’ dan is-Seklu, il-produzzjoni bil-barka tar-reġim kien trażżnet ħafna imma ħafna komplew jipproduċu d-droga bil-moħbi.

Esperti internazzjonali jikkalkolaw li 40 fil-mija tad-dħul ta’ flus barranin fil-Korea ta’ Fuq ġej minn attivitajiet illegali bħat-traffikar tad-droga.

Jidher li r-reġim Korean ipprova diversi drabi jrażżan dan il-vizzju fost il-popolazzjoni imma issa tant hu mifrux li ftit li xejn kellu suċċess.