Umiljanti u inuman
L-iffullar dejjem jiżdied fl-Isptar Mater Dei qiegħed jgħabbi lill-pazjenti u lill-professjonisti b’ħafna aktar tbatija. Fost il-każi li nżammu mistura, il-mument qiegħed jiżvela pazjenti li mietu fil-kuruturi u oħrajn, nisa u rġiel, jinżħammu ħdejn xulxin, anki f’każ ta’ mard li jittieħed malajr.
Paul Pace, il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) meta kien mistoqsi minn il-mument ikkonferma li l-union għadha għaddejja bid-direttivi lill-infermieri biex ma jagħmlux ċertu xogħol fil-kuruturi fosthom dak marbut ma’ tkeffin ta’ pazjenti.
Din id-direttiva daħlet fis-seħħ hekk kif kien feġġ l-ewwel każ ta’ mewt ta’ pazjent f’wieħed mill-kuruturi. L-MUMN kienet ġiet mgħarrfa b’din is-sitwazzjoni mill-infermieri stess minħabba li l-iffullar ta’ pazjenti ma kienx jippermettilhom li jsir it-tkeffin ġ kemm minħabba raġunijiet ta’ etika medika u drittijiet tal-pazjent kif ukoll minħabba li kif inhi s-sitwazzjoni, m’hemmx purtieri li jifirdu pazjent minn ieħor, u għaldaqstant din is-sitwazzjoni hija ta’ umiljazzjoni ferm aktar għall-pazjenti.
Matul dil-ġimgħa daħlu għadd kbir ta’ ilmenti minn pazjenti u qraba tagħhom dwar is-sitwazzjoni diżastruża partikolarment fl-Emerġenza, fid-Day Care Unit u fil-Medical Admission Units. Dan kien konfermat ukoll minn Paul Pace, il-President tal-MUMN li semma kif hemm mill-inqas 200 sodda żejda mifruxa f’dawn it-taqsimiet.
Hu fisser li l-pazjenti spiċċaw bla privatezza, ħwejjeġihom mal-art minħabba li m’hemmx post fejn ipoġġuhom u m’hemm ebda faċilità biex il-pazjenti jerfgħu l-pilloli li jkunu jridu jieħdu. Dawn iċ-ċirkostanzi qed jillimitaw lill-infermiera milli jagħtu s-servizz tagħhom bħall-għoti tad-demm.
Qraba ta’ pazjenti qalu li dil-ġimgħa d-Day Care Unit kienet mimlija pazjenti, uħud minnhom bid-diarrhoea u hepatitis, waqt li pazjent minnhom kellu wkoll l-lukimja. F’każi bħal dawn, il-pazjenti suppost jitpoġġew f’kamra għalihom minħabba l-mard partikolari tagħhom.
F’każ ieħor, pazjent biex jaqdi l-bżonnijiet personali tiegħu kellhom jagħmlulu partition minħabba li anki t-toilets qed ikunu ffullati.
Fl-istess waqt il-morda jinsabu rrabjati minħabba li qed jitpoġġew ukoll fuq stretchers minflok sodod b’konsegwenza li l-pazjenti qed jagħmlu ġranet u iljieli sħaħ fi skumdità waqt li dan jillimita xogħol l-infermiera.
Professjonisti li tkellmu ma’ il-mument qalu li huma qegħdin jaħdmu f’kaos kbir, tant li l- policy li jkun hemm distanza ta’ 1.3 metru bejn pazjent u ieħor mhux qed tinżamm. Huma qalu wkoll li dan qed jirriżulta f’żieda fl-infezzjonijiet u l-mard, waqt li qed jissarraf f’nuqqas ta’ kura aħjar.
Ir-ritratti t’hawn taħt juru s-sitwazzjoni preżenti f’Mater Dei