Sport Waterpolo

Sliema u Neptunes jibqgħu b’punti massimi

Jirbħu u jiddominaw

San Ġiljan Allcare…………………..4

Sliema Frank Salt………………….11

(1-2),(0-2),(1-4),(2-3)

Sliema Frank Salt baqgħu b’punti massimi fil-quċċata meta f’konfront dirett għelbu meritatament lil isfidanti diretti għal kampjonat San Ġiljan Allcare Insurance. B’din ir-rebħa Sliema issa jinsabu bi 12-il punt kontra d-9 punti ta’ Neptunes u s-6 punti ta’ San Ġiljan li iżda ż-żewġ timijiet iridu jirkupraw logħba.

Il-partita kienet dominata minn Sliema bil-vantaġġ jikber dejjem wara kull sessjoni. Għalihom spikka Mark Meli awtur ta’ ħames gowls filwaqt li spikka wkoll fiċ-ċentru Jermome Gabarretta li skorja tliet gowls filwaqt li ġab diversi tkeċċijiet favur it-tim tiegħu. Nieqes kien hemm Edward Aquilina. Minn naħa l-oħra San Ġiljan kienu ineżistenti fil-logħob tagħhom u meta kienu eratiċi fl-attakki tagħhom b’Dino Zammit u Matthew Zammit ftit jidħlu fil-partita.

Ironikament kienu San Ġiljan li marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Matthew Zammit iżda żewġ gowls ta’ Gabarretta u Meli dawru l-iskor biex Sliema rebħu s-sessjoni 2-1. Is-Slimiżi komplew ikabbru l-iskor fit-tieni sessjoni u skorjaw tnejn mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu 4-1 minn fuq.

Sliema għalqu l-partita fit-tielet sessjoni bi tripletta ta’ Meli u ieħor ta’ Gabarretta b’Paul Fava jiskorja l-uniku gowl għal San Ġiljan. B’distakk ta’ sitt gowls Sliema amministraw il-partita u rebħu wkoll l-aħħar sessjoni biex finalment rebħu l-partita 11-4.

San Ġiljan> D. Camilleri, C. Spiteri Debarro (1), A. Galea, K. Galea (1), K. Dowling, M. Zammit (1), K. Galea, A. Bianchi, B. Plumpton, J.C. Cutajar, P. Fava (1), Di. Zammit, Da. Zammit

Sliema> R. Coleiro, J. Gabarretta (3), N. Lubrano, T. Sullivan, M. Meli (5), J. Soler (1), J. Borg (1), C. Cluett, J. Brownrigg, A. Attard (1), A. Agius, N. Bugelli, K. Schembri
Referees> Alex DeRaffaele, Peter Balzan

 

Jiksbu t-tielet rebħa

Neptunes Emirates…………….11

Sirens Ritter Sport………………8

(1-2),(5-1),(3-3),(1-3)

Neptunes Emirates kisbu t-tielet rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Sirens Ritter Sport 11-8 biex telgħu waħedhom fit-tieni post tliet punti taħt Sliema b’logħba anqas. Neptunes kien jimmeritahom il-massimu tal-punti għaliex kienu l-aħjar tim fl-ilma iżda Sirens taw wirja qalbiena u baqgħu jissieltu sal-aħħar.

Neptunes rebħu l-ewwel sessjoni 2-1 b’gowls minn Zarb Cousin u Niki Lanzon b’Marc Grech jnaqqas il-marġni. It-tim tal-Balluta wera l-intenzjonijiet fit-tieni sessjoni u skorjaw ħames gowls kontra l-gowl ta’ Gabriel Pace biex daħlu jistrieħu 7-2 fil-vantaġġ.

Neptunes ikkontrollaw il-partita fit-tielet sessjoni iżda Sirens baqgħu jippruvaw u irnexxilhom jispiċċaw is-sessjonif’parita’ biex Neptunes żammew id-distakk. Fl-aħħar sessjoni Sirens baqgħu jaħdmu sal-aħħar, rebħu s-sessjoni u irnexxilhom jagħmlu l-iskor rispettabli iżda Neptunes rebħu xorta 11-8.

Neptunes> A. Borg Cole, N. Lanzon (2), G. Mizzi,M. Stellini (2), T. Agius, M. Lanzon, K. Navarro, J. Camilleri (3), A.Zarb Cousin (1), L. Calleja, K. Debattista, S. Xerri de Caro, C. Mercieca (3)

Sirens> N. Grixti, Z. Mizzi (2), M. Agius, G. Pace (1), M. Grech (4), A. Sammut, M. Caruana, D. Cutajar, J. Napier, J. Sciberras, L. Caruana (1), G. Busuttil M. Pisani

Referees> Alex De Raffaele, Stefan Licari