Ambjent Lokali

Uffiċjal tal-Birdlife jirrifjuta li jkun interrogat

Il-Manager responsabbli għal konservazzjoni tal-Għaqda Birdlife, Nicholas Barbara, irrifjuta li jmur fil-kwartieri tal-Pulizija tal-Administrative Law Enforcement wara li ssejjaħ għal interrogazzjoni il-Ħadd filgħodu.

F’kummenti li ta lill-ġurnalisti, Barbara qal li s-sejħiet frekwenti tal-pulizija għal interrogazzjoni fil-konfront ta’ membri tal-Birdlife jammontaw għal intimidazzjoni.

Barbara qal li rċieva telefonata mill-Kap tat-Taqsima ALE biex imur fil-kwartieri tal-Pulizija iżda ma ngħatax raġuni għalxiex qed ikun msejjaħ.

Iktar tard, il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit ċempel lil Nicholas Barbara u qallu li s-sejħa biex imur fid-Depot kienet rigward informazzjoni dwar episodji ta’ kaċċa illegali.

Min-naha tiegħu, Barbara wieġeb li Birdlife dejjem għaddiet l-informazzjoni kollha lill-Pulizija u qatt ma kienu msejjħin membri tagħha fid-Depot biex jiġu nterrogati dwarhom.

Nicholas Barbara kien it-tielet uffiċjal ta’ Birdlife li kien imsejjaħ minn pulizija minn meta fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

24 siegħa qabel, il-ġurnalist ta’ BBC Chris Packham kien interrogat għal diversi sigħat mill-Pulizija tal-ALE wara li kien akkużat mill-Federazzjoni tal-Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti li kiser il-privatezza taghhom meta ffilmja l-kaċċaturi fil-Miżieb.

Redikolu li għajnuna lil għasfur midrub titqies bħala reat – Fondazzjoni Gaia

Sadanittant, fi stqarrija separata, il-Fondazzjoni Gaia qalet li NGO’s ambjentali u l-pubbliku inġenerali għandu dritt ikun jaf fuq liema bażi qed issir din l-azzjoni mill-pulizija kontra konservazzjonisti u ġurnalisti meta l-Pulizija għandha jkollha r-riżorsi limitati tagħha ffukati biex tkun miġġielda l-kaċċa llegali.

Il-Fondazzjoni Gaia qalet li hu ridikolu li għajnuna lil għasfur midrub minn voluntier jew veterinarju qed titqies mill-pulizija bħala reat.

Il-Fondazzjoni Gaia sejħet lill-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit biex jagħti spjegazzjoni pubblika dwar l-aġir tal-Pulizija fil-konfront ta’ rappreżentanti ta’ NGO’s ambjentali.