Animal Farm, l-allegorija klassika ta’ George Orwell dwar kif jaħdem is-Soċjaliżmu, tispjega kif is-Soċjalisti dejjem jibdew bl-idea tal-ugwaljanza; li se jġibu soċjetà fejn kulħadd ikun indaqs u jkun ittrattat l-istess.
Dawk li jitħanżru ‘aktar indaqs mill-bqija’
Imma mbagħad tant jibdew jitħanżru – f’Animal Farm huma rappreżentati proprju mill-ħnieżer – li jibdew jiġġustifikaw għemilhom ta’ diżugwaljanza bi prinċipju ġdid: ‘il-bhejjem kollha ndaqs, imma wħud huma aktar indaqs mill-bqija.’
Manwal li jurina x’jagħmlu dawk li jinqdew bl-ugwaljanza
Animal Farm ħareġ fl-1945 u jqaxxar dak li jiġri fis-Soċjaliżmu. U minkejja l-waqgħa tal-Komuniżmu, Animal Farm għadu manwal tajjeb biex naraw x’jagħmlu dawk li l-idea tal-ugwaljanza jinqdew biha imma jwettqu l-maqlub.
Malta Tagħna Lkoll ukoll xewqa għall-ugwaljanza
F’Malta, f’Marzu tas-sena l-oħra kellna elezzjoni li fiha l-Labour ressaq ‘il quddiem l-idea sabiħa tal-ugwaljanza. Malta Tagħna Lkoll li tagħtik dak li jimmeritak tieħu; slogans li bi kliem differenti jfissru x-xewqa ġenwina għall-ugwaljanza vera.
Wegħda li jwasslulek il-mediċini sa wara l-bieb tad-dar
F’ħafna oqsma, mhux l-anqas fis-saħħa. Malta Tagħna Lkoll kellha twassallek il-mediċini li ħaqqek tieħu b’xejn mhux biss fil-pront imma saħansitra ġġibhomlok sa wara l-bieb tad-dar. Hekk wiegħed il-Labour b’mod solenni u ripetut.
Kriżi f’mediċini li għandhom bżonnhom eluf kbar ta’ nies
Illum, sena wara, fil-mediċini hawn kriżi. Mhux biss ħafna mediċini li eluf kbar ta’ Maltin suppost jieħdu b’xejn huma neqsin, talli ħafna mill-mediċini neqsin huma mediċini li għandhom bżonnhom ħafna ħafna nies, bħal dawk għal kontra l-pressjoni.
Skarsezza li mhix għal kulħadd indaqs
U mhux biss hawn skarsezza ta’ mediċina tal-gvern hekk li ħafna qed ikollhom imorru jixtruhom minn buthom – jekk isibu jixtruhom – talli l-iskarsezza mhix għal kulħadd indaqs, għax tal-qalba u tal-familja xorta qed joħduhom il-mediċini b’xejn.
Mediċini għal tal-qalba, imħallsin minna lkoll, fil-każini tal-Labour
Għax mhux talli l-mediċini l-Labour mhux qed iwassalhom fid-djar kif wiegħed, mhux talli lanqas mhu qed iwassalhom fl-ispiżeriji, mhux talli qed jibgħat lin-nies jixtruhom, talli ‘l tal-qalba u ‘l tal-familja – lill-privileġġjati – il-Labour qiegħed jagħtihom il-mediċini b’xejn, imħallsin mit-taxxi tagħna lkoll, fil-każini tal-Labour.
Tal-qalba u tal-familja – aktar indaqs minna – jiffangaw fit-taxxi tagħna
Il-mod kif Malta ssir tal-qalba u tal-familja u tagħna lkoll ikunu biss it-taxxi li qed inħallsu biex jitħanżru fihom dawk li jippretendu li huma aktar indaqs mill-bqija, eżatt bħall-allegorija klassika ta’ George Orwell.