Malta kienet wieħed mill-ftit pajjiżi li ma kienux rappreżentati fl-ogħla livell mill-Kap tal-Istat jew mill-Kap tal-Gvern, jiġifieri mill-President jew mill-Prim Ministru rispettivament, fiċ-ċerimonja li saret ilbieraħ fil-Vatikan u li matulha ġew dikjarati Qaddisin il-Papiet Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawl II. Għaċ-ċerimonja, li saret fi Pjazza San Pietru f’Ruma, il-Gvern Malti bagħat delegazzjoni mmexxija mill-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u li kienet tinkludi lil mart il-Prim Ministru Michelle Muscat.
Ġeneralment, meta Kap ta’ Gvern ma jkunux jista’ jattendi ċerimonja uffiċjali bħal din, jibgħat lid-Deputat Prim Ministru bħala l-Viċi tiegħu jew lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin, kif jitlob il-Protokoll. Madankollu, din id-darba ma ġarax hekk. Min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata uffiċjalment mill-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, filwaqt li l-Knisja Maltija kellha żewġ Isqfijiet jikkonċelebraw mal-Papa Franġisku, l-Arċisqof ta’ Malta u l-Isqof ta’ Għawdex.
Waqt attività li saret dalgħodu, il-Prim Ministru Muscat kien mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ Uffiċjali tal-Gvern għall-Kanonizzazzjoni. Hu wieġeb li l-Gvern Malti kien rappreżentat b’mod sħiħ permezz tal-iSpeaker u tal-mara tiegħu, filwaqt li żied li ma jara xejn ħażin li bagħat lis-Sinjura Muscat biex tirrappreżentah fir-rwol tagħha bħala l-mara tal-Prim Ministru.
Minkejja f’dan, il-Protokoll imeri għal kollox dak li qal il-Prim Ministru għax filwaqt li l-iSpeaker, għandu rwol newtrali u jirrapprezenta liż-żewġ naħat tal-Parlament u mhux lill-Gvern, il-mara ta’ Prim Ministru m’għandha l-ebda rwol eżekuttiv fil-Gvern u allura wkoll ma tistax titqies bħala Rappreżentant Uffiċjali tal-Gvern.
Dwar in-nuqqas tal-President ta’ Malta għal dan l-avveniment importanti, il-portal tal-aħbarijiet Newsbook irrapporta li fl-aħħar jiem il-President Coleiro Preca qalet li ma kinitx se tmur Ruma minħabba li ma sabitx titjira kmieni biżżejjed ħalli tasal lura Malta fil-ħin għal-laqgħa importanti li kellha skedata dalgħodu ma’ delegazzjoni għolja mill-UNHCR dwar l-immigrazzjoni. Madankollu, l-istess portal tal-Knisja qed jirrapporta li ħafna Maltin li marru apposta Ruma rritornaw Malta lbieraħ filgħaxija stess.
Uħud minn dawn stess ikkonfermaw dan ma’ Newsbook, filwaqt li qalu li fuq it-titjira KM615 li waslet lura Malta lbieraħ għall-ħabta tad-9pm kien għad hemm postijiet vojta. Kuntrarju għall-verżjoni li ngħatat, il-portal tal-Knisja jgħid li hu nfurmat li l-President u l-Prim Ministru kienu ilhom ibbukkjati ġimgħat iżda kkanċellaw it-titjira għal Ruma il-Ġimgħa li għadda.
Fil-programm tal-impenji uffiċjali tal-President, li joħroġ kull ġimgħa d-Dipartiment tal-Informazzjoni, jidher ċar li kien konfermat li Coleiro Preca kienet se tkun preżenti għaċ-ċerimonja fil-Vatikan. Jidher li Coleiro Preca kien ippjanat li tiltaq Malta s-Sibt u tirritorna l-għada l-Ħadd.
//= $special ?>