Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Il-PN bi proposta pożittiva għall-ħolqien tax-xogħol

L-ekonomija kreattiva għandha tkun il-futur ta’ pajjiżna. Din hi proposta oħra min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, li turi kif għandu jinħoloq ix-xogħol f’Malta u Għawdex għax il-PN jemmen li l-ekonomija kreattiva għandha tkun pilastru importanti biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol fis-snin li ġejjin.

Dan filwaqt li l-Gvern għandu jkomplu jinvesti fi skemi għal start-ups, inċentivi għas-settur tad-digital gaming u programmi ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ. Dwar dan tkellem il-Kap tal-PN Simon Busuttil meta l-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew dalgħodu daħlet fit-tieni ġimgħa tagħha bi żjara lill-kumpanija lokali BMIT, li tispeċjalizza f’servizzi ta’ sistemi tal-IT, servers, u żvilupp ta’ networks għal kumpaniji oħrajn.

Għal din iż-żjara, lill-kumpanija li tinsab fil-limiti ta’ Ħal Qormi, kien hemm preżenti wkoll id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Helga Ellul u Norman Vella. Il-Kap tal-PN iddawwar mal-bini tal-BMIT mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Christian Sammut. Simon Busuttil fakkar kif wara sena fil-poter, il-Gvern għadu mhux iffukat biex joħloq setturi ġodda tax-xogħol.

Min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni għandha viżjoni ekonomika ċara b’enfażi fuq il-jobs ta’ għada u setturi innovattivi. Il-Kap tal-PN saħaq li l-ekonomija kreattiva hu settur li rridu niżviluppawh aktar għax kapaċi joffri opportunitajiet kbar għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ BMIT irringrazzja lid-delegazzjoni tal-PN għal din iż-żjara li għamlet fost il-haddiema tal-kumpanija, li issa ilha 12-il sena stabbilita lokalment.