Ekonomija Lokali

F’Marzu li għadda, ikompli jiżdied il-qgħad

Il-qgħad qed ikompli jiżdied u jqarreb it-8,000. Statistika oħra tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), issa għal Marzu 2014, terġa’ tikkonferma x-xejra ta’ żieda fil-qgħad. Dawn l-aħħar ċifri tal-NSO juru li f’Marzu 2014 dawk li qed ifittxu x-xogħol f’pajjiżna reġgħu żdiedu b’296 (żieda ta’ 4%), hekk kif issa l-qgħad jinsab fil-livell ta’ 7,644.

Iż-żidiet kienu reġistrati sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex u f’kull kategorija ta’ età, ħlief għal dawk ta’ anqas minn 20 sena. L-NSO jgħid li kien hemm l-akbar żieda fost dawk li għandhom 45 sena jew aktar, li żdiedu b’4%. Dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena wkoll żdiedu, b’520, filwaqt li naqsu dawk li ilhom qegħda għal anqas minn 21 ġimgħa.

Skont l-NSO, l-aħħar rata tal-qgħad f’termini perċentwali, dik għal Novembru 2013, kienet fil-livell ta’ 4.6%, li wkoll ifisser żieda fuq medda ta’ sena għax f’Novembru 2012 il-qgħad kien fil-livell ta’ 4.4%.