Quddiem l-Imħallef Michael Mallia beda jinstema’ ġuri fil-konfront ta’ Jonathan Baldacchino ta’ 29 sena, minn Tas-Sliema li qed jinsab akkużat li bejn Lulju u Settembru tal-2012 kkometta frodi fil-konfront ta’ Brittaniku.
L-akkużat qed jikkontendi li wettaq dan ir-reat fil-ħin li kien fi stat ta’ ġenn. Għaldaqstant il-ġurati jridu jiddikjaraw jekk huwiex minnu li Baldacchino aġixxa taħt stat ta’ ġenn jew le u jekk huwiex mentalment tajjeb biex jgħaddi ġuri akkużat bi frodi.
Baldacchino qed jiġi akkużat li ffroda lil Paul Nice is-somma ta’ €100,000 billi ppretenda li kien konsulent finanzjarju u li offra investiment finanzjarju attraenti fuq flus investiti. Il-każ kien seħħ sentejn ilu bit-talba li s-Slimiż kien fi stat ta’ ġenn meta wettaq ir-reat issir mill-Avukati tiegħu Jason Azzopardi, Kris Busietta u Adrian Camilleri.
L-Ispettur Rennie Stivala qal fil-Qorti li l-akkużat kien jgħix Tas-Sliema u kien miżżewweġ mara mill-Ukraina. Dan kien iltaqa’ ma’ Paul Nice, pensjonant f’ħanut tax-xorb ġewwa tas-Sliema erba’ snin ilu. L-akkużat li jaħdem f’ħanut tal-kebab, ippreżenta lilu nniffsu bħala sid ta’ kumpanija tal-kompjuters.
Huwa kien qal li missieru kien konsulent finanzjarju u li jista’ jagħtih qligħ tajjeb f’investiment li jagħmel miegħu. Dan kollu baqa’ sejjer għal sentejn b’Nice iħallas l-ewwel pagament ta’ €54,000. Wara Nice ħareġ pagamenti oħrajn fejn miegħu ssemmew investimenti li għandhom x’jaqsmu maż-żejt u deheb. L-akkużat kien ukoll ippreżenta ċertifikati ta’ investiment lill-vittma.
Wara xehedu l-psikjatri mqabbdin mill-Qorti George Debono u Jean Pierre Giorgio li qalu l-akkużat jinsab taħt kura psikjatrrika. Huma ngħataw l-inkarigu mill-Qorti biex jaraw l-istat mentali ta’ Baldacchino, u jekk setax kien qiegħed ibati minn xi kundizzjoni psikjatrika meta wettaq ir-reat. Dan ix-xogħol huwa lest u hemm rapport li ġie ppreżentat. Huma qalu li ltaqgħu mal-imputat diversi darbi. Iltaqgħu wkoll mal-ġenituri tal-imputat u mbagħad flew l-istorja medika tiegħu.
Qalu li lil Baldacchino kellmuh darbtejn u l-konklużjoni tagħhom hija li jbati minn bipolar disorder, fejn ikollu perjodu fejn ikun ferħan u mbagħad ikun hemm kambjament għall-oppost, fejn iħossu f’dipressjoni u bla tama.
Ikkonfermaw li Baldacchino jbati mill-epilessija u jintilef minn sensih. Il-konklużjoni tagħhom hija li f’dak il-perjodu meta jkun f’manija, iħossu li jista’ jagħmel ħafna affarijiet.
Sostnew li ma setax ikun li l-imputat kien qed jivvinta, għax biex dak li kien qiegħed jgħid jivvintah ried ikun jaf sew fuq il-kundizzjoni. Għalhekk huwa diffiċli li jidħak bil-psikjatri, aktar u aktar meta l-psikjatri daħlu fid-dettall tal-istorja tiegħu.
Fir-rapport ingħad li għamel xi żmien meta kellu 22 sena, jiġifieri seba’ snin ilu, fejn kien qiegħed iħossu kunfidenti fih innifsu. Kollox kien possibbli. Kien jemmen li huwa boss tal-Mafja u “gangster”, tant li kien iħossu l-attur Al Pacino fil-film “Scareface”. Dan wassal biex beda jbiddel l-istil tal-ilbies tiegħu, xi ħaġa li ġibdet l-attenzjoni ta’ sħabu. Kien jilbes ġlekk u kappell.
Il-psikjatri qalu li huwa ssellef il-flus, madwar €30,000, u ddeċieda li joħroġ ma’ tfajla Ukrena u spiċċa żżewwiġha, iżda ftit taż-żmien wara telaqha.
Meta Baldacchino rnexxielu jikkonvinċi lil Nice biex jagħtih il-flus, huwa kien ġenwinament jemmen li se jagħmel flus għalih u għal Nice. Baldacchino għadu sal-lum ma jafx kif għamel ħaġa bħal din, temmew jgħidu l-psikjatri.
Minn naħa tiegħu l-psikjatra ta’ Baldacchio, Mark Xuereb, xehed li l-klijent tiegħu kellu problemi ta’ saħħa mentali u wieħed ma setax ikellmu għal aktar minn nofs siegħa kull darba. Huwa kien ibati minn attakki tal-epilessija li minħabba fihom kellu jieqaf jaħdem u jibda jgħix bil-pensjoni tad-diżabilità.
//= $special ?>

