Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-GWU tniedi l-manifest għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-GWU nediet il-manifest tagħha għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan il-manifest jenfasizza l-importanza tal-aspett soċjali u għat-tnedija tiegħu attendew numru ta’ kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

L-introduzzjoni tal-manifest tal-GWU tiffoka fuq dak li l-GWU qed issejjaħ “L-Ewropa li nirrifjutaw” u tinkludi l-oppożizzjoni tal-GWU għal Ewropa ta’ xogħol prekarju, Ewropa ta’ qgħad u ta’ livell ta’ għajxien baxx u Ewropa li timplimenta miżuri imposti mill-Kummissjoni Erwopea u l-Kunsill Ewropew. Fil-manifest tagħha, il-GWU qed tappella għal Ewropa differenti, għal Ewropa soċjali mingħajr qgħad u għal Ewropa li tħares l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Id-dettalji tal-manifest tal-GWU ngħataw mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb f’konferenza tal-aħbarijiet f’Dar l-Ewropa, li matulha tkellem dwar l-importanza ta’ impjiegi sostenibbli fl-UE u appella għat-tmiem immedjat tal-politika ta’ awsterità. Filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ garanzija li l-libertajiet ekonomiċi ma jieħdux preċedenza fuq id-drittijiet fundamentali u soċjali, Tony Zarb saħaq fuq l-importanza tar-rispett u l-promozzjoni tan-negozjar kollettiv u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.

Flimkien ma’ dan, il-GWU qed tinisti wkoll għal garanzija ta’ saħħa, sigurtà u iġjene fil-post tax-xogħol u għal stabilizzar mill-ġdid tal-ġustizzja soċjali. Il-Union sostniet li jeħtieġ li l-UE tikkumbatti forom persisteni ta’ diskriminazzjoni fuq kull livell u li s-servizzi pubbliċi jkunu ta’ kwalità. Prijoritajiet oħrajn fil-manifest tal-GWU huma politika fiskali aktar ġusta flimkien ma’ trasparenza, leġittimità u responsabbiltà fit-tmexxija tal-ekonomija Ewropea, flimkien ma’ tisħiħ tad-demokrazija fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU appella wkoll lill-kandidati għall-Parlament Ewropew biex jiddikjaraw li se jaħdmu fl-interess nazzjonali u li mhux se jagħmlu ħsara lil Malta. Din id-dikjarazzjoni qanqlet ir-reazzjoni mill-kandidat tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola, li ddikjara li kull kandidat Malti hu obbligat jappoġġja u jkun favur dak li jemmen fih u li l-ebda Gvern jew istituzzjoni lokali m’għandhom jimponu x’inhu fl-interess nazzjonali.

Fid-diskussjoni tkellmu wkoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Ray Bugeja u Helga Ellul, li enfasizzaw l-importanza li l-MEPs jaħdmu għall-ħolqien tal-impjiegi u dwar l-importanza tal-bilanċ bejn l-aspett soċjali u dak ekonomiku.