Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-ħolqien tax-xogħol dejjem kien prijorità għall-PN – Mario de Marco

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu l-ħolqien tax-xogħol bħala prijorità meta kien fil-Gvern u mill-Oppożizzjoni wkoll qed jippreżenta proposti konkreti għall-ħolqien tal-impjiegi. Iżda f’sena ta’ Gvern Laburista, qed joħroġ biċ-ċar li pajjiżna mhux qed joħloq biżżejjed xogħol, bil-konsegwenza li żdied il-qgħad. Hu meħtieġ li pajjiżna jkollu pjan li jiffoka fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomija u joħloq ix-xogħol f’niċeċ ġodda.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi. Hu kien akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia. Mario de Marco qal li filwaqt li l-ekonomija qed tikber u qed jinħolqu l-impjiegi, l-istatistika qed turi li mhux qed jinħolqu biżżejjed impjiegi u b’hekk il-qgħad żdied.

Il-Viċi Kap tal-PN sostna li l-istatistika qed turi wkoll li l-esportazzjoni u l-importazzjoni naqsu u li l-bejgħ fil-ħwienet naqas fl-ewwel xahrejn tas-sena. Dan filwaqt li terz mill-impjiegi li nħolqu taħt Gvern Laburista kienu mas-settur pubbliku. Hu spjega li Gvernijiet Nazzjonalisti ħadmu biex jitnaqqsu mhux jiżdiedu l-persuni jaĦdmu mal-Gvern, hekk kif ix-xogħol f’dan is-settur iżid il-piż fuq il-finanzi tal-pajjiż u allura fuq il-poplu Malti. Hu qal li l-Oppożizzjoni ilha tagħmel appell konsistenti lill-Gvern biex jitfassal pjan għax-xogħol. Mario de Marco elenka inizjattivi biex tissaħħaħ l-ekonomija u jiżdied ix-xogħol.

Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-ekonomija tal-kreattività, li taħt Gvern Nazzjonalista żviluppat biex ħolqot madwar 8,000 impjieg fi 3,600 intrapriża. Kien hemm ukoll it-tisħiħ tas-settur tad-digital gaming u taħriġ fl-MCAST li jikkumplimenta dan is-settur. Mario de Marco fakkar li taħt Gvern Nazzjonalista pajjiżna kien attira l-kumpannija TRC, li qed timpjega madwar 100 żagħżugħ u żagħżugħa fil-qasam tal-media diġitali. Il-Viċi Kap tal-PN sostna li pajjiżna jeħtieġ li jattira aktar kumpaniji rinomati f’dan il-qasam biex jikkompeti ma’ pajjiżi li diġà qed igawdu minn dan is-settur.

Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi wkoll li jitfasslu skemi mill-Malta Enterprise għall-qasam tad-digital gaming, inkluż skema li toffri seed capital għall-kumpanniji ġodda. Hu fakkar li Gvern Nazzjonalista ħadem biex ġew żviluppati oqsma ġodda fl-ekonomija Maltija fl-aħħar snin, fosthom is-servizzi finanzjarji, in-niċeċ turistiċi, il-manifattura li żviluppat minn settur tat-tessuti għall-farmaċewtika, kif ukoll biex ġie żviluppat is-settur marittimu u dak tal-avjazzjoni.

Il-Viċi Kap tal-PN temm jgħid li l-Oppożizzjoni toffri l-appoġġ tagħha għall-ħolqien tax-xogħol, li fl-aħħarnett jgħin biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u biex tissaħħaħ l-ekonomija Maltija.