Lokali Saħħa

Il-Kamra tal-Ispiżjara titlob investigazzjoni b’rabta ma’ abbużi fit-tqassim tal-mediċini

Il-Kamra tal-Ispiżjara talbet lill-awtoritajiet responsabbli mis-sistema tal-POYC u l-Mediċini biex jinvestigaw u jwaqqfu l-każi ta’ abbużi fit-tqassim tal-mediċini li ssemmew fl-aħħar jiem.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Ispiżjara rreferiet għal rapporti ta’ mediċini li qed jitqassmu minn każini politiċi u qalet li jekk dan hu l-każ, it-tqassim tal-mediċini spiċċa politiċizzat b’tali mod li jitwemminx.

Jekk veru qed jiġri hekk, qalet il-Kamra tal-Ispiżjara, dan hu każ serju ħafna, u minbarra li hu ta’ detriment għas-saħħa pubblika, huwa ksur serju tal-liġijiet Maltin. L-Awtoritajiet għandhom iħarsu l-pubbliku u jiżguraw li l-mediċini jitqassmu minn postijiet liċenzjati, bħal spiżeriji, u minn spiżjara kwalifikati.

Il-Kamra tal-Ispiżjara kkundannat it-trattament preferenzjali li qed jingħataw pazjenti tal-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek u fakkret li l-Membri tagħha qed isegwu direttiva li ma jaċċettawx struzzjonijiet minn Ministeri u mid-Dipartiment tal-POYC fuq tqassim preferenzjali ta’ mediċini lil individwi identifikati minnhom.