Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Il-PN b’soluzzjonijiet dwar xogħol lil Gvern bla ideat

La l-Gvern mhux jitkellem dwar ix-xogħol, se nitkellmu aħna. Se jkun il-Partit Nazzjonalista li joffri proposti konkreti dwar l-ekonomija u l-ħolqien tax-xogħol.

Dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-PN Simon Busuttil meta t-Tnejn filgħaxija ħa sehem f’intervista li saret fil-Fgura mill-ġurnalista ta’ Newsbook Josianne Camilleri.

Hawnhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni semma li wasal il-mument li bħala pajjiż nibdew ninċentivaw l-oqsma tad-digital gaming u l-ekonomija kreattiva. Dan għandu jwassal biex kumpaniji stabbiliti jinvestu f’Malta, u b’hekk jinħolqu aktar jobs. Iżda sfortunatament, il-Gvern m’għandu l-ebda pjan ekonomiku, u n-nies jirreġistraw għax-xogħol qed jiżdiedu.

Matul l-intervista Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-problema tal-mediċini, u appella lill Gvern biex jiftaħ inkjesta serja dwar l-iskandlu tat-tqassim tal-mediċini mill-POYC, fejn il-mediċina qed tingħata skont il-kulur politiku. U agħar minn hekk, anke każini politiċi qed iqassmu mediċini lin-nies.

Fi tmiem l-attività Simon Busuttil fakkar fl-anniversarju importanti li se jkun qed jiċċelebra pajjiżna matul din il-ġimgħa – l-10 snin tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.