Lokali

Il-preżentatriċi tal-BBC Zeinab Badawi f’Malta

Media tajba hija dik li tagħti vuċi lin-nies minn kull rokna tad-dinja għall-istejjer varji li jkunu qed jesperjenzaw. Nemmen li dan huwa għan ewlieni tal-media li tagħti vuċi lin-nies. Dan kien messaġġ li ħareġ waqt taħdita li tat il-ġurnalista tal-BBC u preżentatriċi tal-programm Hard Talk, Zeinab Badawi.

Hi kienet mistiedna minn Leading Talks, proġett imwaqqaf ftit tas-snin ilu minn Josephine Vassallo Parnis u r-raġel tagħha biex tagħmel preżentazzjoni fuq kif il-media tirraporta temi dinjija nkluż gwerrer, il-kriżi finanzjarja internazzjonali u l-globalizzazzjoni. L-attività fil-Hilton saret bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Tumas Fenech ghall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu u tmexxiet mill-eks Speaker tal-Parlament u eks Ministru Michael Frendo waqt li sar ukoll diskors tal-okkażjoni mill-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici.

Badawi tkellmet dwar il-bidliet li seħħew fl-aħħar snin permezz tas-social media u enfasizzat li dawn wasslu biex iċ-ċittadini jkollhom ħafna iktar informazzjoni f’iqsar żmien. Madankollu enfasizzat l-bżonn li l-ġurnalisti, minkejja l-isfida li l-aħbarijiet saru joħorġu malajr, għandhom jibqgħu jivverfikaw l-aħbarijiet ma’ sorsi u skont il-fatti.

Badawi rrispondiet ukoll diversi mistoqsijiet mill-pubbliku preżenti. Fir-risposti tagħha enfasizzat fuq l-etika u s-sensittività li għandu jkollu ġurnalist f’każi bħal per eżempju suwiċidju.

Mistoqsija jekk il-media għandhiex tippublika ritratti u filmati ta’ atroċitajiet, hi qalet li l-BBC jirċievi ħafna minn dawn it-tip ta’ ritratti u filmati iżda jagħmel skrutinju rigoruż u jillimita ritratti u filmati ta’ dan it-tip li jiġu ppublikati jew mxandra.

Dwar l-istazzjonijiet li jkunu ffinanzjati mill-Istat enfasizzat li m’għandux ikun hemm indħil politiku mill-istat u sostniet li fil-BBC kien hemm każi fejn minħabba sempliċi ħjiel ta’ indħil politiku fi storja kien hemm persuni li rriżenjaw.

Hi tkellmet ukoll dwar l-esperjenza tagħha bħala mara li bdiet taħdem fi żmien meta s-settur tal-media kien dominat mill-irġiel. Hi qalet li llum l-ambjent inbidel u l-media għandha kemm nisa u rġiel jaħdmu fuq stejjer f’kull settur. Il-ġurnalista mwielda fis-Sudan tkellmet ukoll dwar il-fatt li l-media tanalizza d-domanda tan-nies u tipproduċi stejjer li jkunu interessanti għas-suq li tkun qed taħdem fih.