Qorti

Biżżejjed provi biex Erin Tanti jitqiegħed taħt att ta’ akkuża

Il-Maġistrat Audrey Demicoli ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex Erin Tanti jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. Dan kollu jfisser li l-każ kontrih ikompli bid-dokumenti jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali biex dan ikun jista’ jagħmel evalwazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, fil-futur, l-għalliem tad-drama mistenni jgħaddi ġuri fil-Qorti Kriminali.

Dan ħareġ wara li fil-Qorti dalgħodu kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Erin Tanti, l-għalliem ta’ 23 sena li fost l-oħrajn jinsab akkużat bil-qtil ta’ Lisa Marie Zahra, studenta ta’ 15-il sena, li fid-19 ta’ Marzu ttellgħet mejta mill-irdum ta’ Ħad-Dingli. Bħas-soltu f’awla ppakkjata bil-qraba tal-vittma, avukati u anke Studenti tal-Liġi, l-akkużat reġa’ kien akkumpanjat mill-ġenituri tiegħu. Madankollu, din id-darba Tanti ma kienx akkumpanjat minn infermier jew infermiera.

Minbarra bil-qtil ta’ Zahra, Tanti qed jiġi mixli wkoll li assista lit-tfajla biex tikkommetti suwiċidju fl-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha meta kienet taħt l-età, li kellu pusses ta’ ritratti jew filmati indiċenti tagħha u li bħala għalliem tagħha, kellu d-dmir li jieħu ħsiebha u mhux japprofitta ruħu minnha.

Illum kompliet ix-xhieda min-naħa tal-Prosekuzzjoni, bil-Kuntistabbli tal-Pulizija Paul Abdilla jgħid li meta marru fl-appartament ta’ Erin Tanti fil-Belt, sabu laptop li fuqu kien hemm karta b’messaġġ għal ommu bil-kliem “Dear Mom, this has nothing to do with you.“. Abdilla qal li fuq l-istess mejda kien hemm kaxxa tal-flus li kienet vojta. Semma’ wkoll kif il-ħabib ta’ Erin, James Michael Muscat, qal lill-Pulizija li f’din il-kaxxa suppost kien hemm €3,000 ta’ xogħol li kienu jagħmlu bejniethom.

Wara xehed Michael Vella, mill-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar, li qal li għall-ħabta tas-6pm tat-18 ta’ Marzu kien l-Għassa meta Nicholas Zahra, ħu Lisa, flimkien ma’ ċertu Anthony Ciangura, marru biex jagħmlu rapport li lejliet raġel kien qatta’ l-lejl fid-dar tagħhom. Jumejn wara, għall-ħabta tat-7.45pm, iż-żewġt irġiel għamlu rapport ieħor lill-Pulizija wara li sabu nota fil-kamra ta’ Lisa Marie. Vella kien mitlub iċempel lil omm Erin biex jistaqsiha fejn kien binha.

Wara xehed Pierre Cassar, membru tas-salvataġġ tal-Forzi Armati ta’ Malta, li tenna li fid-19 ta’ Marzu ntalab jassisti f’missjoni ta’ salvataġġ fl-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. Hu kien abbord ħelikopter u xogħolu kien li jassisti raġel li kien fil-qiegħ tal-irdumijiet. Hu tniżżel bil-ħbula u bl-apparat ta’ salvataġġ għal fejn kien ir-raġel. Cassar staqsa lir-raġel x’kien ġara u dan qallu li kien waqa’ minn fuq l-irdumnijiet. Qallu wkoll li kien mat-tfajla tiegħu li kienet “hemm fuq ukoll”. Ix-xhud qal li staqsa lir-raġel minn fejn eżatt kien waqa’ għax kien stenna aktar feriti fuq persuna li kienet waqgħet minn daqstant għoli. “Kont dubjuż ħafna, minħabba li dan kien qed ikellimni u kien f’sensih u anke seta’ jċaqlaq riġlejh”, qal ix-xhud.

Cassar kompla jgħid li wara kien infurmat li fil-qiegħ tal-irdumijiet kienet instabet ukoll mara. Din kienet madwar 50 metru ‘l bogħod mir-raġel li kien salva hu. Qal li kien involut fl-operazzjoni tas-salvataġġ tagħha, iżda meta wasal ħdejha din kienet diġà mejta, filwaqt li mid-dehra ta’ ġisimha kollox kien jindika li kienu għaddew is-sigħat minn x’ħin kienet mietet. Hi kellha diversi feriti u brix f’dahra. Cassar qal li hu kkalkula li r-raġel, li fl-awla kien qed jirrikonoxxi bħala Erin Tanti, waqa’ minn għoli ta’ madwar tmien sulari. Dan kien ibbażat fuq dak li qallu l-akkużat dwar minn fejn kien waqa’. Tanti kien weġġa’ saqajh, filwaqt li t-tfajla kienet instabet taħt siġra u fuq is-siġra kien hemm ġakketta kannella.

L-Avukat ta’ Tanti, Michael Sciriha, staqsa lil Cassar dwar jekk l-akkużat qallux li kien qabeż u mhux waqa’. Cassar ikkonferma li Tanti kien uża’ l-kliem waqa’. Hawn, l-Avukat Difensur talab għal kopja tar-recording, li ttieħed mill-camera li kienet fuq l-elmu ta’ Cassar, biex tiġi ppreżentata fil-Qorti. Cassar kompla jgħid li Tanti kellu ferita f’moħħu u li ttratta miegħu bħallikieku kien każ ta’ suspettat problemi fl-ispina tad-dahar. Dan minħabba l-għoli li Tanti kien qal li waqa’ minnu. Hu qal ukoll li kienet il-Pulizija li ndikat fejn kienet it-tfajla u mhux Tanti. Fl-aħħar tax-xhieda tiegħu, Cassar qal li Erin Tanti deher konfuż meta kien qed ikellmu, anke jekk irrispondih għal dak kollu li staqsieh.

Wara xehed l-Ispettur Pierre Micallef Grimaud, mill-Għassa tal-Belt, li spjega kif il-Pulizija fittxew fl-appartament ta’ Tanti, fil-Belt stess, fil-preżenza ta’ ommu Caroline. Qal li n-nota li nstabet għadha fl-uffiċċju tiegħu u se tingħata lill-espert tal-kalligrafija li għadu barra minn Malta.

Xehed ukoll uffiċjal ieħor ta’ salvataġġ mill-Forzi Armati ta’ Malta, Philip Galea. Hu spjega kif il-FAM kienet ikkuntattjata minħabba li kien hemm raġel li kellu bżonn l-għajnuna fl-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. Qal li kien fuq il-ħellikopter ma’ sieħbu Pierre Cassar u li ma sabuhiex faċli jpoġġu lil Tanti fuq stretcher minħabba li l-blata li kien fuqha ma kinitx ċatta. Wara, Tanti kien ġie trasferit minn fuq l-istretcher għall-Ambulanza qabel ma kien mgħajjat jassisti persuna oħra.

Xehdet ukoll Norma Baldacchino, li taħdem l-Isptar Mater Dei, li esebixxiet kopja tal-istorja medika ta’ Erin Tanti. Tela’ jixhed ukoll l-Operations Manager tal-FAM Frankie Axiaq, li rrakkonta kif fid-19 ta’ Marzu li għadda hu kien l-Uffiċjal Inkarigat. Qal li għall-ħabta tal-4pm, kien infurmat li xi ħadd waqa’ f’Ħad-Dingli. Meta wasal, sab żewġ żgħażagħ jittellgħu fuq ħelikopter. Qal li għen lill-kollegi tiegħu u tenna li ma semax lil Tanti jkellem lil xi ħadd.

L-aħħar xhud kien Renato Agius, mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li qal li dakinhar anke hu mar jassisti għall-operazzjoni li kienet għaddejja f’Ħad-Dingli. Qal li ma kellimx lir-raġel, li fil-Qorti kien qed jagħraf bħala Erin Tanti. Qal ukoll li lanqas ma semgħu jitkellem u jista’ jkun li ma sema’ xejn minħabba l-istorbju li kien qed jagħmel il-ħelikopter.

Il-każ ikompli fit-3 ta’ Ġunju li ġej, meta sa dakinhar għandhom ikunu konklużi r-rapporti tal-patoloġisti u l-esperti tekniċi.