L-impressjoni ġenerali, sena biss wara r-rebħa elettorali Laburista hi li pajjiżna qed jitmexxa minn grupp ta’ nies tal-qalba li mhumiex eletti u li l-Prim Ministru qed jinżamm ostaġġ mill-iżviluppaturi u n-negozjanti. Fi kliem ieħor, wara rebħa kbira għall-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, il-perċezzjoni tan-nies hi li l-bidla saret fl-uċuħ biss.
Kliem iebes mid-Deputata Laburista Marlene Farrugia f’artiklu fil-ħarġa tal-lum ta’ The Malta Independent, bit-titlu “Changing the Faces”. Fih, hi tikkumenta dwar l-ewwel ġimgħa tal-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Is-sieħba tal-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia tikteb li fl-opinjoni tagħha mill-backbench Laburista fil-Parlament, almenu s’issa, in-nies għadhom qed iħossuhom aktar u aktar delużi mill-klassi politika minħabba li bit-tmexxija tal-Gvern Laburista qisu xejn ma nbidel fil-mod kif issir l-politika.
Għalhekk, filwaqt li tuża’ t-tema tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista, id-Deputata tal-Gvern tħeġġeġ lin-nies biex jaħsbu b’moħħhom meta fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew imorru jivvutaw. Għandhom jistaqsu lilhom infushom kif l-aħjar li jistgħu jużaw il-vot tagħhom jekk iridu li jkollna verament “Malta Aħjar” u “Ewropa Ahjar”, tgħid Marlene Farrugia. Hi tkompli tikteb li dan il-vot hu mportanti daqs dak ta’ sena ilu. L-unika differenza hi li nivvutaw kif nivvutaw, wara l-24 ta’ Mejju Joseph Muscat se jibqa’ l-Prim Ministru u l-elezzjoni li jmiss, li verament tgħodd, għad fadlilha erba’ snin oħra.
Marlene Farrugia tgħid li lkoll nixtiequ li din il-kampanja elettorali tkun verament dwar l-għażla tal-aħjar nies biex jirrappreżentawna fil-Parlament Ewropew. Iżda fil-verità, kif urietna din l-ewwel ġimgħa, hu ċar li din l-elezzjoni se tkun kollha dwar jekk Muscat marx tajjeb jew ħażin fl-ewwel sena tal-Gvern li qed imexxi. Hu wkoll ġudizzju tal-ewwel sena ta’ Simon Busuttil fit-tmexxija tal-PN. Filwaqt li dwar Simon Busuttil tgħid li dan għadu qed jiffaċċja sfidi, dwar Muscat Marlene Farrugia tikteb li minkejja dak li għamel fl-ewwel 12-il xahar, in-nies hemm barra mhumiex konvinti anzi d-diżappunt ta’ min ivvota Labour sena ilu, qed jiżdied kuljum.
//= $special ?>