Internazzjonali

L-Olokawst l-agħar reat fl-istorja moderna

Il-President Palestinjan Mahmoud Abbas iddeskriva l-Olokawst bħala l-agħar reat li qatt sar fl-istorja moderna tal-bniedem. Dan hu rikonoxximent rari ta’ mexxej Palestinjan ta’ dak li għaddew minnu l-Lhud matul il-ġenoċidju min-Nażisti fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan intqal hekk kif il-Lhud fakkru dan l-avveniment.

Fi stqarrija, Abbas esprima s-sogħba tiegħu għal dak li għaddew minnu l-Lhud taħt in-Nażisti, għall-familji tal-vittmi u vittmi oħra tan-Nażiżmu.

Abbas qal li l-Olokawst kien rifless tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni etnika u razziżmu, u dawn kienu affarijiet li l-Palestinjani kienu totalment kontrihom.

L-osservaturi qalu li l-istqarrija saret fi żmien meta t-taħditiet ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani jinsabu f’xifer li jikkrollaw partikolarment wara li Abbas laħaq ftehim mal-grupp estremista Iżlamiku tal-Ħamas. Dan il-ftehim jista’ jtemm firda ta’ seba’ snin bejn it-tmexxija Palestinjana fil-Medda ta’ Gaża (dik tal-Ħamas) u fix-Xatt tal-Punent (dik ta’ Abbas).