Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Muscat jgħid li l-Gvern Laburista qed joħloq id-doppju tax-xogħol

Minkejja l-aħħar statistika għal Marzu turi żieda oħra fil-qgħad, għal kull persuna li tiżdied fir-reġistru tal-qgħad, inħolqu 9 postijiet tax-xogħol u l-Gvern Laburista ħoloq id-doppju ta’ postijiet tax-xogħol minn Gvern Nazzjonalista.

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat waqt intervista mill-ġurnalista ta’ PBS Norma Saliba f’Ħal Luqa. Dan ifisser li għal kull għaxar persuni ġodda ifittxu x-xogħol, disgħa qed isibuh u l-għaxar persuna tiżdied mar-reġistru tan-nies bla xogħol.

Dwar id-deficit, Muscat qal li l-Gvern daħħal iktar milli nefaq u dan mingħajr, skont hu, ma sawwat in-nies. Dan fl-istess żmien meta l-problemi fil-qasam tas-saħħa, l-iktar tal-mediċini out of stock, komplew jirrankaw.

Dwar l-Enerġija, il-Prim Ministru qal li jinsab eċitat dwar dan il-qasam u qal li l-ftehim maċ-Ċina f’dan il-qasam mistenni jkun konkluż sal-aħħar tas-sena. Dwar il-possibiltà ta’ xogħol barra mill-pajjiż, Muscat insista li l-parteċipazzjoni se tkun waħda volontarja u jekk ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema, l-Enemalta timpjega iktar ħaddiema. Dwar is-serq u t-tixħim fit-tbagħbis tal-ismart meters, il-Mexxej Laburista qal li persuna li ma ħadux vantaġġ mill-maħfra se jittellgħu quddiem il-Qorti.

Mistoqsi dwar il-kritika li qed jaqdi lil tal-qalba, Muscat qal li l-kritika li qed jaqla’ hu hi li qed jaqdi n-Nazzjonalisti. Hu qal li l-għajta ta’ Malta Tagħna Lkoll qed ngħixuha. Muscat baqa’ jinsisti li l-Partit Laburista huwa l-underdog għal din l-elezzjoni għaliex fl-2004 u l-2009, l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew intrebħet mill-partit fl-Oppożizzjoni.

Joseph Muscat qed jgħaddi lill-ħaddiema tal-Enemalta biż-żmien

Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista qal li fl-attività politika tiegħu, il-Prim Ministru Muscat ikkonferma li l-ħaddiema tal-Enemalta ġew mistednin jaħdmu fuq power stations taċ-Ċina barra minn Malta.

Skont il-Partit Nazzjonalista, il-ħaddiema tal-Enemalta qed jitpoġġew f’sitwazzjoni diffiċli ħafna għax qed jintalbu jagħżlu bejn li jidħlu jaħdmu mal-kumpanija tal-Gvern Ċiniż jew li jkomplu jaħdmu mal-Korporazzjoni Enemalta b’kundizzjonijiet imnaqqsa.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qal li l-ħaddiema tal-Enemalta bir-raġun huma rrabjati u diżappuntati bid-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jmur lura fuq il-kelma li tahom qabel l-elezzjoni ġenerali. Il-ħaddiema tal-Enemalta jingħaqdu ma’ numru li kull ma jmur qed jikber ta’ ħaddiema li ġew ingannati mill-Prim Ministru Muscat, inkluż l-aktar riċenti l-ħaddiema tar-rampa tal-Airmalta li sabu li l-kuntratt tagħhom ġie mġedded b’xahar biss.

“Il-mod kif Joseph Muscat qed jitratta lill-ħaddiema tal-Enemalta jikkuntrasta mal-kuntratti ġenerużi u jobs li ta lil tal-qalba matul is-sena li għaddiet. Il-Gvern ta’ Muscat hu verament Gvern għan-nies tal-qalba biss” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.