Floriana FC ressqu protest ġudizzjarju kontra Johann Said u l-kumpanija tiegħu GA Investments Ltd. li fih qed isostnu li fil-perjodu li fih Said kien President tal-klabb, aġixxa b’mod irresponsabbli bil-konsegwenza li l-klabb spiċċa b’ammont kbir ta’ dejn.
Fil-protest, ippreżentat mill-Avukati Michael Tanti-Dougall u Rebekah Tanti-Dougall, Floriana FC sostnew li l-aġir ta’ Said kien wieħed abbużiv għaliex bħala President tal-klabb, kellu jkun aktar interessat li jissalvagwardja l-interessi tal-klabb, kif il-partitarji ta’ Floriana FC kienu jippretendu u jistennew.
Floriana FC ddikjaraw li huma ma jaqblux li l-ammonti li Said qed jallega li għandu jieħu huma dovuti lilu, anzi m’hemm l-ebda bażi legali li fuqhom Said jista’ jsostni l-argumenti tiegħu. Riċentament Floriana FC irċevew tliet mandati, inkluż dawk ta’ sekwestru u qbid mingħand Said.
Il-klabb qed isostni li minbarra li dawn huma bla bażi, l-iskop tagħhom hu biss biex jagħkksu lill-klabb finanzjarjament f’ċirkostanzi fejn il-klabb qed javvanza fil-logħob kemm ilu li l-President il-ġdid Riccardo Gaucci kien magħżul mill-membri biex imexxi. Filwaqt li ddeskrievew l-aġir ta’ Said bħala irresponsabbli u mhux aċċettabbli, Floriana FC avżaw lill-istess Johann Said li l-klabb se jkun qed jipproteġi l-interessi tiegħu u tal-partitarji skont kif titlob il-liġi.
Floriana FC appellaw lil Johann Said biex jirtira kull azzjoni tiegħu u avżawh li fin-nuqqas li jagħmel dan, qed jinżamm responabbli għad-danni li jsofri l-klabb.
//= $special ?>

