Futbol Sport

Real Madrid ifittxu l-ewwel finali fi 12-il sena

Real Madrid se jkunu qed iżuru lill-holders Bayern Munich illum bit-tama li jkunu huma li għall-ewwel darba wara 12-il sena jilagħbu fil-final ta’ Champions League. Real hu l-aktar klabb ta’ suċċess fl-istorja ta’ kompetizzjoni li rebaħha disa’ darbiet, imma l-għaxar suċċess ilhom ifalluh bi ftit.

Fl-aħħar tliet staġun, Real kienu eliminati fis-semifinali, darbtejn kontra avversarji Ġermaniżi. Borussia Dortmund għelbu lil Real 4-3 aggregate is-sena l-oħra fis-semifinali waqt li Bayern kienu eliminawhom bil-penalties fl-istaġun 2011-12. Real se jibdew din t-tieni leg fl-Allians Arena b’vantaġġ ta’ 1-0 wara wirja difensiva mill-aqwa l-ġimgħa l-oħra fil-kapitali Spanjola. Karim Benzema skorja l-uniku gowl tal-partita li ta vantaġġ prezzjuż lit-tim ta’ Carlo Ancelotti. Imma minkejja dan iridu joqgħodu attenti minn Bayern li taħt l-eks kowċ ta’ Barcelona Pep Guardiola kienu dominanti matul dan l-istaġun.

Iċ-Champins tal-Bundesliga għashom biċ-ċans li jrirbħu ħames trofej fl-ewwel staġun ta’ Guardiola. Wara s-Super Cup tal-UEFA u l-FIFA Club World Cup, imisshom ukoll final tat-Tazza Ġermaniża kontra Brussia Dortmund. Bayern ġarrbu biss erba’ telfiet f’darhom sa mill-bidu tal-istaġun b’Manchester City u Arsenal ikunu l-uniċi timijiet miċ-Champions League li kellhom suċċess fl-Allianz Arena matul dan il-perjodu.

Madankollu, l-kowċ ta’ Real Ancelotti qed jinsisti li se jmorru għal din il-logħba b’fiduċja għaliex qed jimmiraw għat-treble fl-ewwel staġun tat-Taljan fit-tmexxija.

“Fiduċjuż ħafna fil-plejers u naħseb li kulħadd għandu jkun. Il-pjan fi Munich se jkun li niskorjaw u mhux niddefendu,” qal Ancelotti li ħabbar li Benzema, Cristiano Ronaldo u Gareth Bale se jkunu kollha fl-attakk fi Munich. Alvaro Arbeola, Jose Rodriguez u Sami Khedira huma l-uniċi plejers li Real għandhom nieqsa.

Bayern se jkollhom disponibbli lid-difensur Rafinha li skonta sospensjoni fil-Bundesliga fit tmiem il-ġimgħa imma waqt li Thiago Alcantara rritorna għat-taħriġ, Holger Badstuber, Xherdan Shaqiri u Tom Starke għadhom imweġġgħin.

Bayern kienu qed jissemmew bħala favoriti li jżommu t-trofew u Guardiola jinsab konvint li l-ħames darbiet champions Ewropej jistgħu jdawru r-riżultat.

“Għandi fiduċja assoluta fit-tim. Nistgħu nagħmluha jekk niġbdu ħabel wieħed,” qal Guardiola.

Iridu jiskorjaw
Għada Atletico Madrid imorru għand Chelsea fi Stamford Bridge bit-tama li din id-darba t-tim ta’ Diego Simeone jkun kapaċi jinfed id-difiża tat-tim ta’ Jose Mourinho. F’din il-partita bilfors irid jiġu skorjat gowl biex jiċi evitat il-ħin barrani u anke l-penlaties.

Il-Blues ġejjin minn rebħa importanti kontra Liverpool, rebħa li tat żvolta oħra l-kampjonat Ingliż anke jekk wara l-partita Mourinho qal li ma jara l-ebda tama li t-tim tiegħu jista’ jirbaħ il-Premiership. Il-Portugiż iżda ħabbar li għall-partita ta’ għada John Terry jista’ jilħaq jirkupra. Il-captain ta’ Chelsea weġġa’ fl-ewwel leg kontra l-istess Atletico u flimkien mal-gowlkiper Petr Cech li weġġa’ fl-istess logħba kien qed jingħad li għandhom barra sa tmiem il-kampjonat.

Atletico Madrid se jkollhom moral għoli wara li jinsabu biss żewġ rebħiet bogħod milli jirbħu La Liga wara li għelbu lil Valencia b’gowl ta’ Raul Garcia li reġa’ tahom sitt punti vantaġġ fuq ir-rivali Real Madrid.

F’din il-partita Atletico tkeċċielhom Juanfran imma dan se jkun disponibbli kontra Chelsea.