Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

S’issa tqassmu madwar 70% tad-Dokumenti tal-Vot fid-djar

Hekk kif issa għaddew kważi ġimgħatejn minn meta bdew jitqassmu fid-djar id-Dokumenti tal-Vot għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, għad fadal 30% x’jitqassmu mill-Pulizija. Madwar 70% tal-votanti li għandhom id-dritt tal-vot fl-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju rċievew id-dokument tal-vot, iżda jonqos aktar minn 100,000 Dokument tal-Vot li għadhom ma tqassmux.

Minn 343,000 votant irreġistrat skont l-aħħar Reġistru Elettorali, għad fadal biex jitqassmu ftit aktar minn 103,000 Dokument tal-Vot. Id-Dokumenti tal-Vot se jibqgħu jitqassmu mill-Pulizija fid-djar sal-Ġimgħa, 2 ta’ Mejju. L-aktar lokalità fejn inġabru voti hi x-Xewkija Għawdex u l-lokalitajiet l-oħrajn fejn l-aktar li tqassmu Dokumenti tal-Vot jinkludu l-Qala, Ħal Kirkop, il-Għargħur, Ħal Safi, Santa Luċija, il-Furjana u Ħal Tarxien. F’dawn il-lokalitajiet, tqassmu aktar minn 80% tad-Dokumenti tal-Vot.

Min-naħa l-oħra, l-akar lokalità fejn fadal Dokumenti tal-Vot x’jitqassmu fid-djar jinkludu San Pawl il-Baħar fejn fadal aktar minn nofs, il-Belt u San Ġiljan f’Malta, u ż-Żebbuġ, Marsalforn u l-Għasri f’Għawdex. Wara l-Ġimgħa, id-Dokumenti tal-Vot ikunu jistgħu jinġabru biss mill-Għases tal-Pulizija jew mill-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali fejn m’hemmx Għassa tal-Pulizija.