Internazzjonali

Tingħalaq fażi fit-tfitxija tal-ajruplan

Il-Prim Ministru Awstraljan Tony Abbott stqarr li ftit kien hemm possibbilta li jinstabu fdalijiet f’wiċċ il-baħar mill-ajruplan Boeing tal-Malaysian Airlines li għeb fit-8 ta’ Marzu.

Minn Canberra, Abbott qal li issa l-mod kif se ssir it-tfitxija se tinbidel u mhux se tkompli tkun prijorita li jinstabu fdalijiet f’wiċċ il-baħar. Minflok il-ħdima se tkun konċentrata fuq tfitxija taħt il-baħar b’tagħmir sofistikat.

It-tfitxija kienet qed isir f’zona fejn uffiċjali kienu qed jemmnu li kien hemm il-kaxxa s-sewda tal-ajruplan f’qiegħ il-baħar u fejn kienu jaħsbu li kien hemm l-akbar possibbilta li jsibu fdalijiet.

Issa, it-tfitxija se titkabbar għal zona akbar tal-qiegħ tal-Oċean Indjan. Tfitxija li Abbott qal qed ikun stmat li titlesta fi żmien tmien xhur. Iżda jista’ jkun hemm dewmin minħabba maltemp u problemi tekniċi.

Abbott qal li issa li għaddew 52 ġurnata minn mindu seħħet it-traġedja, ħafna mit-tifrik tal-ajruplan ikun għereq. Esperti ilhom ifittxu l-Oċean Indjan għal fdalijiet tat-Titjira MH370 għal dawn l-aħħar 40 ġurnata.

Abbott qal li s’issa xejn ma nstab b’rabta ma’ din it-titjira imma insista li l-Awstralja ma kienitx se taqa’ qalba fil-ħidma beix jitwaddab dawl fuq x’ġara f’dik it-titjira mill-Malasja lejn Iċ-Ċina.