Lokali

Żieda fil-kriminalità jwassal għal ftuħ ta’ għases tal-pulizija fis-Swieqi u Tal-Pietà

Ir-realtà ta’ żieda fil-kriminalità f’Tal-Pietà u fis-Swieqi, il-Korp tal-Pulizija jiftaħ għassa f’dawn iż-żewġ lokalitajiet.

L-għases kienu inawgurati mill-Ministru Manwel Mallia fil-preżenza tad-Deputat Kummisssarju tal-Pulizija Ray Zammit u tal-membri tal-kunsill taż-żewġ lokalitajiet.

Dwar is-sitwazzjoni tal-kriminalità fis-Swieqi, il-Ministru Mallia qal li l-kriminalità qed tiżdied tant li s-serq mid-djar issa sar ħames darbiet iktar waqt li dak mill-vetturi irdoppja.

Il-Ministru Mallia tkellem dwar ir-raġunijiet wara din is-sitwazzjoni u qal li fis-Swieqi kien hemm żieda fil-popolazzjoni minħabba li numru ta’ djar b’sular wieħed twaqqgħu biex minflokhom inbnew appartamenti. Dan wassal biex numru kbir ta’ studenti marru joqgħodu fil-lokal. Element ieħor li jaffetwa l-kriminalità u l-ksur tal-liġi fis-Swieqi hu l-viċinanza ma’ Paceville.

Quddiem din is-sitwazzjoni l-Ministru Mallia qal li l-Pulizija se jibdew jagħmlu rondi bil-mixi fil-lokal u se jkun hemm ukoll is-sorveljanza tar-Rapid Intervention Unit.

Il-Ministru Mallia qal ukoll li l-Pulizija se tibda tuża s-servizzi fuq bażi part-time ta’ pulizja li jkunu irtiraw mill-korp iżda jkollhom l-esperjenza.

Fl-inawgurazzjoni tal-Għassa f’Tal-Pietà, il-Ministru Mallia tkellem dwar il-mod kif anki f’dan il-lokal hemm problema ta’ kriminalità. Minn studju li sar jirriżulta li r-residenti tas-Swieqi u Tal-Pietà huma l-aktar żewġ komunitajiet li qed jilmentaw minn element ta’ kriminalità fil-lokalità tagħhom.

Il-Ministru Mallia qal li anki f’Tal-Pietà se jibda jkun hemm ronda bil-mixi min-numru ta’ pulizija. Jirriżulta wkoll li bħalissa hemm 70 rekluta ġdid jitħarrġu biex isiru pulizija.

Kemm fis-Swieqi kif ukoll f’Tal-Pietà, is-sindki qalu li ż-żieda fil-kriminalità hi waħda mill-problemi li dawn il-komunitajiet qed jiffaċċjaw u li qed joħolqu problemi fis-soċjetà.