Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: €3 miljun f’ħames snin għal 12-il persuna li qabel l-elezzjoni kienu jaħdmu mal-PL

12-il persuna li qabel Marzu 2013 kienu jaħdmu mal-Partit Laburista, f’ħames snin bejniethom se jkunu ħadu mill-anqas €3 miljun. Dan hu eżempju ċar ta’ kemm il-Gvern Laburista joħloq ix-xogħol biss għal nies tal-qalba. Mill-kumplament, skont iċ-ċifri jirrizulta li l-qgħad qed jiżdied xahar wara l-ieħor.

Dan sostnieh il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa u l-kandidata għall-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia.

It-tnax il-persuna li semma’ Beppe Fenech Adami huma:

– l-eks Kap tal-Aħbarijiet tal-Partit Laburista Manwel Micallef, li ngħata kariga fil-Wasteserv;
– l-eks Ġurnalist tal-Partit Laburista Charlon Gouder, li ngħata kariga fis-Segretarjat ta’ José Herrera;
– l-eks Ġurnalista tal-Partit Laburista Miriam Dalli, li nħatret konsulenta tal-Ministru Konrad Mizzi;
– l-eks Uffiċjal tal-Partit Laburista Ray Azzopardi, li nħatar Ambaxxatur fil-Belġju;
– l-eks Uffiċjal tal-Partit Laburista Aaron Farrugia, li nħatar Kap Eżekuttiv tal-Freeport;
– l-eks Preżentatur tal-Partit Laburista Norman Hamilton, li nħatar Ambaxxatur fir-Renju Unit;
– l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo, li nħatar Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta;
– l-eks Konsulenta tal-Partit Laburista Marisa Micallef, li nħatret Ambaxxatriċi fl-Istati Uniti;
– l-eks Ufficjal tal-Partit Laburista Cyrus Engerer, b’żewġ konsulenzi f’żewġ Ministeri differenti;
– iċ-Chairman tal-media Laburista Jason Micallef, li nħatar Chairman tal-V18;
– l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jimmy Magro, li ngħata kariga fil-Malta Enterprise;
– u l-eks Prokuratur Legali tal-Partit Laburista Peter Paul Zammit, li nħatar Kummissarju tal-Pulizija.

Il-konferenza tal-aħbarijiet saret quddiem l-uffiċji tal-Malta Enterprise, li għażlet lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Sai, bħala Ambaxxatriċi fl-Asja b’paga ta’ €13,000 fix-xahar.

Fi kliem Beppe Fenech Adami, il-Malta Enterprise spiċċat vittma tat-takeover tal-Partit Laburista, bl-eks President tal-Partit Laburista Mario Vella bħala Chairman, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jimmy Magro b’pożizzjoni ta’ fiduċja fit-tmexxija tal-Life Sciences Park u bl-eks Editur tal-gazzetta tal-GWU Aleks Farrugia bħala l-bniedem responsabbli mill-komunikazzjoni tal-Malta Enterprise. Farrugia ngħata dan ir-rwol mingħajr sejħa u xahar wieħed biss wara li beda jirreġistra mal-ETC għal xogħol fil-komunikazzjoni.

Il-Vici Kap tal-PN għamel referenza wkoll għall-bidliet fis-Segretarji Permanenti, kif ukoll għaż-żieda fl-impjegati maċ-Ċivil. Minn Marzu 2013 sal-lum, dawn żdiedu b’aktar minn 1,400, sostna Beppe Fenech Adami. Hu rrefera wkoll għall-bidliet fis-Segretarji Permanenti taċ-Ċivil, bi rwoli li suppost inħolqu biex joffru kontinwità fil-ħidma tal-Gvern. Din kienet it-tieni darba f’din il-leġiżlatura.