Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Dibattitu fl-MCAST mal-kandidati tal-Parlament Ewropew

Madwar 80% taż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena li wieħbu stħarriġ li sar mill-Aġenzija Żgħażagħ dwar il-proċess elettorali u l-Parlament Ewropew, iqisu ruħhom li huma ċittadini Maltin u Ewropej. Aktar minn 73% huma konxji mid-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej. Ir-riżultati tas-survey kienu ppubblikati fil-ftuħ ta’ dibattitu dwar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li sar fl-MCAST u li fih ħadu sehem diversi kandidati.

Fost dawk li pparteċipaw kien hemm l-eks Prim Ministru u kandidat tal-Partit Laburista Alfred Sant, li ftit aktar minn 10 snin ilu, flimkien mal-Prim Ministru attwali Joseph Muscat, ħadmu biex il-poplu Malti u Għawdxi jivvota kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hu kien mistoqsi għaliex wara li tant oppona s-sħubija ta’ Malta fl-UE, issa jrid imur jirrappreżenta lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew. F’kumment ieħor, Sant irrikonoxxa wkoll iż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ.

L-istharrig jitkellem ukoll dwar iż-żgħażagħ u minnu joħroġ li huma pożittivi dwar iċ-Ċittadinanza Ewropea tagħhom. Irriżulta wkoll li l-immigrazzjoni, l-edukazzjoni u l-qgħad fost iż-żgħażagħ kienu l-aktar kwistjonijiet nazzjonali importanti li ż-żgħażagħ jixtiequ li l-MEPs Maltin iqajmu fil-Parlament Ewropew.

Fid-diskussjoni, ħadu sehem f’isem il-Partit Nazzjonalista l-kandidati Jonathan Shaw u Kevin Plumpton, filwaqt li attendew ukoll il-kandidati Stefano Mallia u Helga Ellul. Attenda wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar.